Lokali

L-MUT tissospendi d-Direttivi fil-Knejjes tal-Knisja

L-MUT fi stqarrija ħabbret wara laqgħa li saret it-Tnejn bejn id-diriġenti tal-MUT u Monsinjur Charles Scicluna, Monsinjur Mario Grech kif ukoll Reverendum Mallia u l-Avukat Dr Austin Bencini, il-Union irreġistrat qbil mal-Kurja fuq prinċipji li ġew diskussi.

Matul il-laqgħa, l-MUT ġiet assigurata li l-Knisja f’Malta m’għandha l-ebda intenzjoni li tagħmel ġudizzju jew diskriminazzjoni favur jew kontra impjegati li jaħdmu fl-istrutturi tal-iskejjel tagħha fuq bażi tal-ħajja privata tal-persuna. L-Eċċellenzi Tagħhom Mons. Scicluna u Mons. Grech assiguraw li ma hu se jkun hemm l-ebda investigazzjonijiet, jew inkjesti, fuq l-edukaturi fuq x’jagħmlu fil-ħajja privata tagħhom. Ġie maqbul ukoll bejn iż-żewġ naħat li l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu konformi mal-kodiċi professjonali tal-etika u mal-ethos tal-iskola tagħhom fil-qadi ta’dmirijiethom.

Fi stqarrija l-Union qalet li filwaqt li qablet li l-Iskejjel tal-Knisja għandhom jibqgħu iħaddnu prinċipji Insara u jaħdmu fil-kuntest ta’skejjel Kattolici, esprimiet sodisfazzjon li fuq bażi inizzjali ġa hemm ftehim fuq il-prinċipji fundamentali industrijali u drittijiet tal-ħaddiema. L-MUT u l-Kurja qablu wkoll li jagħmlu laqgħat oħrajn biex jiġi prodott dokument bi qbil bejn iż-żewġ partijiet, liema dokument ikun inkluż fil-kuntest tal-ftehim kollettiv tal-Iskejjel tal-Knisja.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll punti ta’ natura legali fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-qorti tad-drittijiet tal-bniedem u se ssir laqgħa apposta fil-futur qarib dedikata għal dan l-aspett. Iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll il-mobbilita’ bejn skejjel tal-Knisja kif ukoll sitwazzjonijiet fejn f’xi skejjel partikolari hemm klima li ma tantx hi konducenti għall-edukazzjoni. Iż-żewġ naħat urew id-disponibilita’ biex jagħmlu iktar laqgħat fil-futur biex jiġu diskussi diversi temi.

L-MUT qalet li għadlaqstant qed tissospendi d-direttivi mogħtija lill-membri b’mod immedjat. Intant, il-Union avżat li l-laqgħa informattiva avżata għall-membri tal-iskejjel tal-Knisja se tibqa’ fis-seħħ sa biex jiġi spjegat il-ħidma li qed issir u jiġu mwieġba l-mistoqsijiet li jistgħu jinqalgħu.