Ħafna huma dawk li, b’ġest altruwist u qalb solidali, jagħżlu li joffru l-organi tagħhom biex jintużaw minn ħaddieħor wara mewthom u għalhekk japplikaw għad-Donor Card. Imma kont taf li, għalkemm inti ikollok id-Donor Card, din ma tiswa xejn fil-Liġi Maltija tant li l-qraba tiegħek jistgħu jagħżlu li wara mewtek imorru kontra r-rieda tiegħek?
Dan hu l-appell tal-istudenti tal-Mediċina ta’ Malta (MMSA), li qed taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar il-bżonn tad-donazzjonijiet tal-organi, filwaqt li timbotta lill-politiċi Maltin biex iwettqu l-bidliet meħtieġa ħalli r-rieda ta’ min irid joffri l-organi tiegħu tkun aċċettata. Biex jilħqu dan l-għan, l-istudenti tal-Mediċina niedew petizzjoni elettronika u paġna ġdida fuq Facebook bl-isem “Together Towards Change”, fejn qed jistiednu lill-pubbliku jiffirma l-petizzjoni u jkompli jsaħħaħ dan il-messaġġ.
L-inizjattiva tal-MMSA qed tkun appoġġjata wkoll minn membri tat-Transplant Support Group Malta, filwaqt li mistennija tilħaq il-qofol tagħha fix-xhur li ġejjin.
Biex tiffirma l-petizzjoni, agħfas hawnhekk.
//= $special ?>