Lokali

Protesta quddiem Kastilja minn Libjani favur il-Gvern fi Tripli

Grupp ta’ Libjani f’Malta qed jitolbu lill-Gvern biex ma jibqax jirrikonoxxi iċ-‘Charge d’Affairs’ mibgħut mill-Gvern ta’ Tobruk fil-Libja.

Il-Gvern f’Tobruk huwa l-Gvern Libjan li għadu rikonoxxut mill-fora internazzjonali bħala l-Gvern leġittimu tal-Libja, madanakollu, wara sentenza tal-Qorti Suprema tal-Libja f’Novembru li għadda, dan il-Gvern kien ġie ddikjarat bħala illeġittimu.

Bħalissa l-Libja hija maqsuma bejn il-grupp li jsegwi t-tmexxija tal-Gvern fi Tripli u l-grupp li jsegwi t-tmexxija tal-Gvern f’Tobruk. L-ambaxxata Libjana f’Malta qed titmexxa minn ‘Charge d’Affairs’ mibgħut mill-Gvern fi Tripli.

Dan minkejja li f’Malta hawn ukoll ‘Charge d’Affairs’ ieħor, mibgħut mill-Gvern f’Tobruk, li għalkemm mhux jaħdem mill-bini tal-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan, xorta huwa rikonoxxut bħala ċ-‘Charge d’Affairs’ leġittimu.

Waqt il-protesta tagħhom quddiem Kastilja, il-grupp ta’ segwaċi tal-Gvern fi Tripli qalu li l-Gvern qed jagħmel żball kbir li jibqa’ jirrikonoxxi ċ-‘Charge d’Affairs’ mibgħut mill-Gvern f’Tobruk, għax dan ifisser li allura, il-Gvern Malti qed jirrikonoxxi Gvern illeġittimu.

Waqt il-protesta, id-dimostranti ppreżentaw wkoll ittra għall-Prim Ministru li fiha qalu li l-komunita’ Libjana f’Malta “tinsab sorpriża li saret taf li l-Gvern Malti aċċetta mibgħut mill-Parlament illegali fil-Libja bħala ċ-Charge d’Affairs'”.

Ftit ilu kienet saret konferenza tal-aħbarijiet li fiha, Hussein Musrati, il-mibgħut tal-Gvern ta’ Tripli, kien wassal l-istess messaġġ bħad-dimostranti quddiem Kastilja.

Wara dik il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien qal li qed jimxi b’mod konformi mal-linja ta’ azzjoni kif irrakkomandat mill-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti.