Formula 1 Sport

Schumacher f’perjodu ta’ riabilitazzjoni twil ħafna

SENA MILL-INĊIDENT FIL-MUNTANJA: Michael Schumacher qed jiffaċċja ‘perjodu twil ħafna’ biex jirkupra kompletament. Dan qalitu l-manager tiegħu sena eżatt mill-inċident ikrah u serju li sofra l-eks Champion tal-Formula 1 wara li waqa’ u ħabat rasu ma’ blata waqt li kien qed jiskijja.

“Se jkun perjodu twil ħafna,” kienet kwotata li qalet Sabine Kehm.

Il-kummenti tagħha waslu wara li dan l-aħħar intqal li l-eks champion tad-dinja tal-Formula 1 beda jikkomunika magħha b’għajnejgħ.

Imma l-kummenti li għadda Phillipe Streiff kienu miċħuda minn Kehm u t-tabib ta’ Schumacher.

Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnal Le Parisien, Streiff qal li jifhem li Schumacher issa beda jagħraf lill-familjari u jokkomunika magħhom b’għajnejgħ.

Il-Franċiż, eks sewwieq tal-Formula 1 illum irtirat, qal li kien ġab din l-informazzjoni wara li kien f’kuntatt mal-mara ta’ Schumacher u l-kirurgu li operah.

Imma l-professur Gerard Saillant, il-kirurgu, ċaħad li għadda din l-informazzjoni lil Steiff.

“Għal sena sħiħa qatt ma kelli xi tip ta’ kuntatt, la verbali u lanqas bil-kitba jew fiżimament ma’ Phillipe Streiff,” qal permezz tal-kelliem tiegħu lill-aġenzija AFP.

Intant Sabine Kehm qalet li Streiff ma kienx ħabib tal-qalb ta’ Schumacher u ma kienx f’kuntatt magħha jew mal-kirurgu Saillant.

Hu mifhum li Schumacher qed ikollu 20 sessjoni fil-ġimgħa ta’ rijabilitazzjoni, jinsab fuq siġġu tar-roti u kultant juri sinjali pożittivi bħal dak li jgħolli idejh meta jkun mitlub. Madankollu mhux dejjem jirrispondi u lanqas hu kapaċi jiekol waħdu.

Schumacher, seba’ darbiet champion tad-dinja tal-Formula 1 sofra injuries serji f’rasu waqt li kien qed jiskijja viċin ir-resott Franċiż ta’ Meribel fid-29 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.

Wara li għamel disa’ xhur jingħata l-kura fi sptarijiet fi Franza u l-Iżvizzera, fosthom 155 jum fi Grenoble, f’Settembru kien trasferit fid-dar tal-familja mal-għadira ta’ Ġinevra.

Is-sewwieq Ġermaniż li rebaħ rekord ta’ 91 tiġrija fil-Formula 1, kien irtira mill-isport fl-2012 wara li xejn ma kellu ritorn pożittiv meta pprova jirritorna fl-isport.

Schumacher li twieled fit-3 ta’ Jannar tal-1969 kien rebaħ l-ewwel GP tiegħu fil-Belġju fl-1992. L-aħħar suċċess tiegħu wasal fil-GP taċ-Ċina fl-2006.

Huwa beda f’kollox fi 303 tiġrijjiet li apparti li rebaħ 91 minnhom spiċċa 155 darba fuq il-podju.
Hu kien Champion tad-Dinja fl-1994, 1995, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004.