Internazzjonali

Tkompli t-tfittxija għall-ajruplan tal-AirAsia – possibilta’ li l-ajruplan jinsab f’qiegħ il-baħar

Kompliet it-tfittxija għall-ajruplan tal-AirAsia li għeb ilbieraħ b’162 persuna abbord.

Dan hekk kif il-Kap tas-‘Search and Rescue’ tal-Indoneżja qal li skont l-informazzjoni li għandhom, hemm possibilta’ li l-ajruplan jista’ jkun li waqa’ fil-baħar u li jinsab f’qiegħ il-baħar.

Dan minkejja li s’issa għad m’hemmx biżżejjed evidenza li tiddetermina l-inħawi ta’ fejn l-ajruplan jista’ jkun, għalkemm it-tfittxija qed tkun iffukata fl-inħawi tal-baħar ta’ Java, fejn l-ajruplan tilef il-kuntatti li kellu.

L-ajruplan għeb il-Ħadd waqt li kien qed itir minn Surabaya fl-Indoneżja lejn Singapore.

Il-piloti kienu talbu permess biex ibiddlu r-rotta minħabba t-temp ħażin li kien qed jagħmel minkejja li ma bagħtu l-ebda talbiet għall-emerġenza qabel l-ajruplan intilef minn fuq il-mappep.

281214-missing-plane-wide-1-762x428

Ritratt: il-linja l-bajda turi l-post fejn telaq l-ajruplan u fejn tilef il-kuntatti

Il-Kap tas-‘Search and Rescue’ qal li minkejja nuqqas ta’ teknoloġija biex issir tfittxija taħt il-baħar, l-Indoneżja se tkun qed tissellef apparat mingħand l-Ingilterra, Franza u l-Istati Uniti.

It-tfittxija intant tkompli għaddejja b’ħames ajruplani, tlett ħelikopters, 12-il vapur navali u diversi bastimenti tal-gwerra li lkoll qed jassistu fit-tfittxija.

AirAsia hija linja tal-ajru ‘low cost’ li ilha topera mill-2001. Sa’ qabel dan l-inċident, il-kumpanija kellha rekord tajjeb ta’ sigurta’ u l-ebda ajruplan minn tagħha qatt ma għeb.