Qorti

In-Niġerjan li miet wara li ħarab minn ċentru ta’ detenzjoni ma kienx imsawwat brutalment

L-immigrant Niġerjan li kien tilef ħajtu f’April tal-2011 ma kienx ġie imsawwat b’mod brutali. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Anthony Zammit, uffiċjal tas-Servizz ta’ detenzjoni quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal- Logutenent, illum Kaptan, Roderick Azzopardi ta’ 30 sena minn Ħaż Żabbar, Lance Bombardier Aldo Simiana ta’ 42 sena minn Birkirkara u l-ex Lance Bombadier Carmela Camilleri ta’ 56 sena miż-Żurrieq, mixlijin bil-qtil involontarrju tan-Niġerjan ta’ 29 sena, Ifeanyi Nwokaye. Huwa kien miet b’attakk tal-qalb, li madankollu mill-inkjesta kien irriżulta li l-ġrieħi li kien ġarrab ma kienux kompatibbli mal-mewt tiegħu.

Roderick Azzopardi dak inhar tal-inċident kien “duty officer” responsabbli għaċ-ċentri ta’ detenzjoni kollha u l-akkużati l-oħrajn kienu għassa Ħal-Far dak inhar tal-inċident li kien seħħ fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ April tal-2011. In-Niġerjan kien wieħed minn sitta li dak il-lejl kienu ħarbu Ħal Safi, bil-vittma jinqabad ftit tal-ħin wara. Zammit qal li dak il-lejl huwa kien għassa mera sab tlieta mill-kollegi tiegħu jippruvaw iżommu lil Nwokaye, sakemm kien wasal Roderick Azzopardi.

Huwa qal li l-Kaptan Azzopardi żamm lill-vittma billi tah żewġ daqqiet fuq ġembejh meta n-Niġerjan kien żaqqu l-isfel u wara mmanettjah, u Azzopardi qallu li n-Niġerjan kellu biċċa metall fil-but. Ix-xhud qal li waqt li kien qed jara lil Azzopardi jikkonfronta lin-Niġerjan fuq il-metall li kellu fil-but, fl-ebda ħin huwa ma kien rah isawwtu. Waqt il-kontro-eżami tal-Avukat Veronique Dalli, Zammit qal li l-metall li kellu n-Niġerjan, kienet inqalgħet mit-tustiera ta’ xi sodda li hemm fiċ-Ċentru ta’ detenzjoni, u qal li minkejja li dak il-ħin il-metall kienet fil-pusses Azzopardi, fl-ebda ħin ma huwa ta xi daqqa biha fuq Nwokoye. L-unika kuntat li kellu miegħu l-akkużat kien meta kien qed iżommu u tah żewġ daqqiet.

Wara xehed Lance Bombardier Martin Blundell, li qal li hekk kif fetaħ il-grada biex jieħu post uffiċjal ieħor mix-xogħol tiegħu, xi ħadd imottah ma’ ħajr u spiċċa b’rasu maqsuma, tant li kellu bżoinn il-punti wkoll. Qal li kienu sitta li ħarbu u numru ta’ kollegi tiegħu marru jiġru warajhom. Wara xi ħin, qal li Lance Bombardiers

Roderick Vassallo u Gordon Pickard kienu waslu b’vann, u staqsewh biex jistenna xi immigranti li kienu nqabdu mill-ħarba biex jittieħu Ħal Far, sakemm lilu jieħduh għal kura. Huwa qal li minkejja li kellu rasu kollha demm, ma kkontestax dan il-fatt.

Huwa qal li fl-ebda ħin ma raha x’kien qed jiġri u f’dan il-mument kien aktar moħħu dwar dak li ġara lilu, minflok ma dak li kien qed iseħħ madwaru. Waqt il-kontro-eżami l-Avukat Dalli staqsiet, fuq attentati ta’ ħarbiet li seħħew fil-passat minn ċentri ta’ detenzjoni, u x-xhud ikkonferma li numru ta’ ħarbiet kienu seħħew meta hu kien nzerta għassa fl-aħħar snin, u li din kienet l-ewwel ħarba meta gwardjan spiċċa biex weġġa’. Dwar il-frekwenza ta’ attentati ta’ ħarbiet, huwa qal li kien hemm okkażjoni fejn ħarbu darbtejn f’temp ta’ xahar. Madankollu kien hemm ukoll xhur fejn ma seħħew l-ebda ħarbiet. Huwa qal ukoll li l-problema dejjem kienet ta’ nuqqas ta’ staff. Għall-imputati dehru l-Avukati Stephen Tonna Lowell u Veronique Dalli.