Ir-raġel ta’ 29 sena, li għall-ħabta tal-11.20 ta’ filgħaxija nhar it-Tnejn li għadda allegatament inqabad jisraq il-fjuwil minn diversi “containers” ipparkjati f’Ta’ Qali, limiti ta’ Ħ’Attard.
Il-Pulizija lemħet lil Ryan Camenzuli minn Bormla iħuf madwar diversi trakkijiet ipparkjati f’Ta’ Qali. Ir-raġel li fil-pusses tiegħu kellu diversi kontenituri tal-plastik u għodda, inkluża pompa, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li seraq il-fjuwil għad-dannu ta’ Etienne Pierre Mallia, tal-kumpanija Farenheit.
Huwa ġie mixli li seraq b’anqas minn €250 fi fjuwil u li kiser il-provedimenti tal-Qorti, b’sentenza mogħtija lilu mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fit-3 ta’ Ottubru li għadda, li naqas li jħares il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Maġistrat Doreen Clarke fuq każ li seħħ f’Lulju tal-2011 u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqin.
Huwa ġie mixli wkol mill-Ispettur Robert Vella li sar reċidiv. Il-Qorti wissiet lill-akkużat li jekk kien se jammetti l-każ kien se jiġi kkundannat għal sentejn ħabs. Huwa m’ammettiex u lanqas għamel talba għal liberta’ proviżorja. Għalih deher l-Avukat Leslie Cuschieri.
//= $special ?>