Il-President tal-UEFA Michel Platini mistenni jkun ri-elett bħal President biex iservi t-tielet terminu tiegħu. Dan hekk kif ħadd ma tefa’ l-kandidatura saż-żmien stipulat biex jikkontesta għall-elezzjoni Presidenzjali tal-UEFA li se ssir f’Marzu tal-2015. Kull mien ried jikkontesta għall-elezzjoni kellu żmien sal-24 ta’ Diċembru biex jitfa’ l-kandidatura.
Din l-aħbar tfisser li issa Platini mistenni jdum President tal-UEFA għal erba’ snin oħra.
Platini kien elett għall-ewwel darba President tal-UEFA f’Jannar tal-2007 u f’Marzu tal-2011 reġa’ kien elett. Fis-snin li Platini ilu jokkupa l-kariga ta’ President dan introduċa l-Financial Fair Play (FFP), sistema fejn il-klabbs jitħallew jonfqu biss skont kemm idaħħlu flus. Barra minn hekk, minn meta Platini ilu President tal-UEFA, fil-Kampjonati Ewropej se jibdew isiru f’13-il belt madwar l-Ewropa minflok f’pajjiż wieħed. Tul dawn l-aħħar snin żdiedu wkoll il-pieni ħorox li jingħataw lil dawk li jinvolu r-razziżmu fil-futbol.
Tul dawn l-aħħar xhur kien hemm spekulazzjonijiet li Platini kien interessat biex jikkontesta għall-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li se ssir f’Mejju tal-2015 imma hu stess kien ċaħad dawn ir-rapporti u fl-istess ħin qal li mhux se jagħti appoġġ lill-President attwali Sepp Blatter.
//= $special ?>

