Kultura Lokali

L-ewwel serje ta’ cartoons lokali

L-Assoċjazzjoni Write Deal qed tipproduċi l-ewwel sensiela ta’ cartoons lokali għat-tfal, li se tkun kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Is-sensiela se tkun qed tidher f’xi swali taċ-ċinema qabel xi films, kif ukoll se tiġi mqassma b’xejn fi skejjel governattivi, tal-Knisja u privati madwar Malta u Għawdex.

It-tnedija uffiċjali tas-sensiela se ssir mill-Eċċellenza Tagħha l-President Marie-Louise Coleiro Preca nhar it-Tlieta 6 ta’ Jannar fl-10am fil-Palazz tal-Verdala. L-ewwel tliet cartoons mis-sensiela li se jkunu qed jintwerer huma, ‘Is-Sbejħa Rieqda’, ‘Il-Ħwejjeġ tal-Imperatur’, u ‘Il-Prinċipessa u l-Piżella’.

Mingħajr ma jitilfu l-valuri u l-prinċipji tradizzjonali tagħhom, dawn il-ħrejjef qed jiġu eżaminati u mibnija mill-ġdid sabiex jiġu aġġornati mad-dinja u mal-ħajja tal-lum. Fost l-oħrajn se naraw kif il-fatatini (fairies) se jkunu ta’ karnaġjon differenti, waqt li l-prinċipessa se tkun qed issalva lill-prinċep.

Ix-xogħol kollu qed isir minn artisti lokali. Il-producers Charlo C Bonnici u Ruth Frendo tkellmu dwar il-kwalita’ għolja li ntlaħqet minn din is-serje, u kif diġa’ qed isiru pjanijiet biex din is-sensiela titkompla bir-raba’ episodju jkun, ‘Is-Sbejħa u l-Mostru’.

Is-serje ta’ cartoons kienet possibli grazzi għal EEA Grants, SOS Malta, Pro.Motion Limited u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.