Futbol Internazzjonali

L-Ingilterra v Uruguaj l-aktar logħba segwita tat-Tazza tad-Dinja

Il-logħba drammatika bejn l-Ingilterra u l-Urugwaj fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja kienet l-aktar waħda segwita fuq il-mezzi tax-xandir fir-Renju Unit din is-sena – anki jekk ħafna Britanniċi jistgħu qed jixtiequ li ma ‘ħadux daqstant interess’ minħabba li kienu ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 1-2.

Intant, mat-13.9 miljun telespettatur Britanniku segwew il-logħba ‘live’ f’Ġunju li għadda, bit-tieni programm l-aktar segwit minn dan il-poplu jkun ‘The Great British Bake Off’ ta’ Ottubru ( bi 13.5 miljun spettatur) u bis-sensiela ‘Sherlock’, ta’ Jannar, tkun segwita minn 12.7 miljuni.

Ix-xandara fir-Renju Unit kienu anki kuntenti bil-popolarita ta’ ‘Britain’s Got Talent’, fuq l-Istazzjon ITV, li kien segwit minn 12.4 imiljun spettatur. Dan waqt li 12.1 miljuni tal- Britanniċi segwew il-finali tat-Tazza tad-Dinja bejn il-Ġermanja u l-Arġentina (1-0) fuq il-BBC 1.

It-tim nazzjonali Ingliż immexxi minn Roy Hodgson spiċċa eliminat mit-Tazza tad-Dinja proprju l-għada li tilef kontra l-Urugwaj; bl-eroj tal-Urugwajani jkun l-attakkan Luis Suarez (eks-Liverpool u llum ma’ Barċelona) li skorja żewġ gowls, b’Wayne Rooney jikseb id-draw momentarju għall-Ingilterra.

Din kienet l-ewwel darba li l-Ingilterra spiċċat eliminata fil-fażi tal-gruppi waqt il-finali tat-Tazza tad-Dinja mill-edizzjoni tal-1958, li kienet sareta fl-Iżvezja.

Fil-fatt, it-telfa tal-Italja ( li kienu għelbu lill-Ingliżi fl-istess grupp) ma’ Costa Rica waqt dan it-tournament tas-sajf, fil-Brażil, ikkonfermat lit-Taljani u l-Ingliżi kellhom ikunu fost l-ewwel pajjiżi eliminati, fost id-diżappunt tal-partitarji numerużi tagħhom.