Vjetnamita li għamlet 20 xahar taħdem mal-kumpanija Leisure Clothing xehdet fit-tul dwar il-kundizzjonijiet tagħha mal-kumpanija, fejn qalet li kienet qed tiġi sfruttata tant li ta’ 14-il siegħa overtime kienet tieħu €10 fi ħlas. Fil-Qorti, il-Vjetnamita qalet li ma setgħetx tirrifjuta s-sahra meta mitluba.
Nguyen Thi Hien, eks impjegata ta’ Leisure Clothing, qalet li ma kienx ikollha ħin liberu u qattgħet ħafna mill-perjodu kemm damet taħdem fil-fabbrika mix-xogħol għal Ħal Far, fejn kienet tgħix, u li kienu żammewlha €3,000, li baqgħu għand is-sidien u li l-pay-slips li kienet tingħata ma jirriflettux ix-xogħol bla rażan li kienet tagħmel.
Il-Vjetnamita xehdet fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Bin Han (ritratt), Ċiniż ta’ 46 sena u Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing, u Liu Jia, ta’ 31 sena u Marketing Manager tal-istess kumpanija. Huma qed jiġu akkużati b’disa’ akkużi, fosthom dwar traffikar uman, kif ukoll miżappropjazzjoni u esplojtazzjoni ta’ persuni Ċiniżi u Vjetnamiżi li kienu jaħdmu fil-fabbrika.
Nguyen Thi Hien damet tixhed għal kważi tliet sigħat u se tkompli meta l-każ jitkompla l-Erbgħa, 7 ta’ Jannar li ġej.
Sadanittant, fis-seduta tal-lum xehed ukoll John Calleja mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), li jaħdem bħala Spettur. Hu ntalab jippreżenta fil-Qorti dokumenti ta’ xi ħaddiema.
Xehed ukoll Joseph Caruana, ħaddiem mal-Bank of Valletta, li kien mitlub jippreżenta l-kontijiet ta’ Bin Han, li għandu żewġ Karti tal-Identità. Fuq waħda mill-Karti tal-Identità, ma kienx hemm kont, filwaqt li fuq l-oħra kien hemm abbinati tliet kontijiet. Qal li kien hemm ukoll credit card li ġiet ikkanċellata.
Għal Bin Han u Liu Jia qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Pio Valletta, filwaqt li l-Avukati Karl Briffa, Michael Camilleri, Lara Dimitrijevic u Katrine Camilleri qed jidhru f’isem il-ħaddiema ta’ Lesiure Clothing. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Silvana Briffa.
//= $special ?>