Lokali

Il-Kap tal-PN jagħti l-awguri lill-President ta’ Malta u lill-awtoritajiet tal-Knisja

L-għan tal-Oppożizzjoni għas-sena li ġejja hu li tibqa’ tkun oppożizzjoni attiva u effettiva li ssaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan meta kien qed jagħti l-awgurju tiegħu għas-sena l-ġdida lill-President Marie Louise Coleiro Preca u lil żewġha Edgar Preca fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Simon Busuttil qal li jinsab kburi li l-Oppożizzjoni vvutat favur il-ħatra tal-President Marie Louise Coleiro Preca anke jekk din kienet ġejja mill-kamp oppost. Huwa saħaq li llum il-President verament qed tkun il-President ta’ kulħadd.

Fil-messaġġ tagħha l-President raddet ħajr lill-Oppożizzjoni għall-fiduċja li ingħatat għall-ħatra tagħha. Hija qalet li l-Oppożizzjoni qed taħdem b’mod viġilanti u kostruttiv u dan qed ikompli jsaħħaħ id-demokrazija parlamentari f’pajjiżna. Il-President Marie Louise Coleiro Preca saħqet li l-Parlament ma għandux ikun kburi biss bil-kisbiet ekonomiċi ta’ pajjiżna imma għandu jassigura li dawn il-kisbiet jinfirxu fis-saffi kollha tas-soċjetà. Hija qalet li l-Parlament għandu jkun il-vuċi ta’ dawk li ma għandhomx vuċi.

Hekk kif ninsabu ftit ‘il bogħod mill-ħatra ta’ Isqof ġdid għal pajjiżna, din il-ħatra kienet fiċ-ċentru tal-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-iskambju tal-awguri tiegħu lill-Isqfijiet.

Simon Busuttil kien qed jagħti l-messaġġ tiegħu lill-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona li kienu qed jilqgħu l-awguri tal-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.

Huwa qal li s-sena li ġejja se tkun waħda importanti għall-Knisja li mistennija tgħaddi minn tranżizzjoni. Simon Busuttil rrefera wkoll għat-tibdil li sar fi ħdan l-Oppożizzjoni li llum qed taqdi rwol kostruttiv li kompla saħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna.

L-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J Scicluna tenna l-impenn tal-Knisja f’Malta li tkompli taħdem mill-qrib mas-setturi tas-soċjetà Maltija. Huwa qal li l-Knisja temmen bi sħiħ fil-valur tad-demokrazija li jsaħħaħ il-libertajiet tal-bniedem. Huwa rrefera wkoll għall-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu għeruq politiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħha.