Lokali

It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tilqa’ l-awguri għas-sena l-ġdida mingħand il-pubbliku

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil flimkien mal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario De Marco, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami u l-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici laqgħu l-awguri għas-sena l-ġdida.

Fost dawk li taw l-awguri tagħhom lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia li kien akkumpanjat mid-Deputati Whip taż-żewġ naħat tal-Kamra. Preżenti wkoll kien hemm il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech.

Fil-messaġġ tiegħu l-Ispeaker tal-Kamra tkellem dwar it-tranżizzjoni li se jgħaddi minnha l-Parlament li matul is-sena d-dieħla se jkun qed jimxi lejn sit ġdid u qal li dan se jwassal ukoll għal tibdil fil-ħidma parlamentari.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni awgura li l-mixja lejn sit ġdid twassal għal qabża fil-faċilitajiet tal-Parlament f’kuntest ta’ iktar awtonomija Parlamentari.

Matul l-iskambju tal-awguri, ta l-awguri tiegħu ukoll l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg kif ukoll rappreżentanti ta’ diversi korpi kostitwiti.

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista laqgħu ukoll l-awguri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Żaru wkoll id-Dar Ċentrali biex jagħtu l-awguri tagħhom rappreżentanti ta’ diversi fergħat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Fost dawn il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti tal-Partit Nazzjonalista, is-Solidarjetà Ħaddiema, il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista u rappreżentanti tal-Kulleġġ tal-Eks Deputati tal-Partit.

Il-Fora li twaqqfu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wkoll kienu rappreżentati fl-iskambju tal-awguri. Fost dawk li taw l-awguri tagħhom lill-Kap tal-Partit Simon Busuttil u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kien hemm rappreżentanti tal-Forum Opportunitajiet Indaqs, il-Forum tan-Negozji Żghar u Medji u l-Forum tal-Professjonisti.

Ma naqsux li jżuru d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għadd sabiħ ta’ familji li f’dan l-aħħar jum tas-sena għażlu li jagħtu x-xewqat tagħhom lill-Kap tal-Partit u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.