L-2014 rat lil MaltaRightNow.com tikser kull rekord, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ hits. Fl-aħħar tliet xhur, MaltaRightNow.com, mhux talli żied il-hits b’mod qawwi ħafna, talli sar l-aktar portal popolari bil-Malti u għalhekk taqbeż lil kull portal ieħor li hawn bil-Malti.
Dan hu possibbli għax it-tim ta’ ġurnalisti ta’ Media.Link Communications impenjaw ruħhom li jaġġornaw kontinwament lill-pubbliku waqt li jingħataw l-aħbarijiet u l-istejjer li jinteressaw lill-pubbliku. Spikkaw ukoll numru ta’ filmati u ritratti, xogħol il-camerapersons, l-editors u anke l-fotografi ta’ Media.Link Communications, flimkien ma’ materjal awdjo-viżiv ieħor mibgħut mill-qarrejja nfushom. Minn statistiċi li għandna, l-aktar ħames stejjer popolari fis-sena 2014 kienu:
5. Raqda ministerjali! – Il-filmat tal-famuża raqda li għamel ix-xufier ta’ Ministru quddiem Kastilja;
4. Taħziza mal-intercom li tista’ tfisser ħafna – Storja dwar is-sensiela ta’ serq fi djar li kellhom sempliċiment taħżiża mal-intercom, iżda li kien sinjal li sar f’ħafna mid-djar li kienu fil-mira tal-ħallelin f’dak il-perjodu;
3. Solvut il-każ tas-serqa minn ħanut tal-ġojjellerija – Wara li fl-aħħar jiem MaltaRightNow.com ippubblika filmat ta’ mara tisraq minn ħanut tal-ġojjellerija, wara 10 minuti din il-persuna nqabdet u rritornat dak li serqet;
2. Ġlieda f’Bormla, numru ta’ persuni midruba – Din l-istorja kienet popolari ħafna, anke għax il-cameraperson tagħna wasal fil-post x’ħin kien għad hemm il-kommossjoni u għalhekk inqabad ukoll parti mill-argument;
1. Ir-recording tal-Ministru Mallia – L-aktar storja popolari kienet dik riċenti, meta MaltaRightNow.com u NET Television żvelaw sensiela ta’ recordings tat-telefonati li x-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia għamel mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b’rabta mal-inċident li kellu u li ma ħallew l-ebda triq oħra lill-Prim Ministru ħlief li jwarrab lill-Ministru Mallia.
Stejjer oħrajn popolari ħafna li kellna matul l-2014 kienu l-każ suspettat tal-Ebola li kien hemm f’Għawdex; l-aħbar li nqata’ d-dawl waqt il-Junior Eurovision Song Contest f’Novembru li għadda; l-istorja esklussiva ta’ In-Nazzjon dwar Ryan Schembri, li froda €40 miljun; l-aħbar li kienu nstabu żewġ tfajliet li kienu rrapurtati nieqsa għal xi jiem; il-filmat tal-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid “M’intix żigg!” lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil; l-aħbar li l-Ministru Mallia rreżista t-talba li għamillu l-Prim Ministru biex jirriżenja; il-filmat ta’ raġel jitfa’ l-aċtu fuq karozza ta’ ħaddieħor u l-famuż saqqu fil-Bajja ta’ San Ġorġ, li bla dubbju kien ġiegħel lil ħafna jitbissmu.
Fi tmiem din is-sena, it-Tim ta’ MaltaRightNow.com jieħu l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-qarrejja tal-appoġġ. Inħarsu ‘l quddiem għal sena oħra ta’ ħidma biex inwasslu l-aħbar hekk kif isseħħ.
//= $special ?>