Kif inhi t-tradizzjoni, fil-Palazz ta-President fil-Belt Valletta, il-President tar-Repubblika laqgħet lill-għola awtoritajiet tal-pajjiż u delegazzjonijiet oħrajn għall-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Din hija t-tieni sena li l-iskambju tal-awguri sar f’lejliet L-ewwel tas-Sena. Fil-Palazz tal-President, Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar Preca laqgħu fost l-oħrajn lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Anke’ membri Parlamentari mill-grupp Nazzjonalista iltaqgħu mal-President għall-iskambju tal-awgurju.
Dawn filfatt marru jagħtu l-awguri tagħhom flimkien mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, li mexxa delegazzjoni ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra. Din id-delegazzjoni inkludiet ukoll lil xi membri parlamentari Ewropej.
Waqt il-laqgħa mal-President l-Ispeaker tenna l-prioritajiet tal-Kamra tad-Deputati, fosthom li l-Parlament fiż-żmien li ġej ikollu aktar awtonomija fil-mod ta’ kif jaħdem bil-għan li jkun wieħed mill-aqwa Parlamenti fl-Ewropa f’dan ir-rigward.
Hu ta ħarsa wkoll lejn din is-sena li għaddiet fejn irrefera għall-mozzjonijiet li għaddew mill-Parlament, fosthom dawk li huma ta’ natura kostituzzjonali.
Min-naħa tagħha l-President ta’ Malta tenniet l-importanza tal-Kamra tad-Deputati bħala l-istituzzjoni li għandha r-responsabbilta’ li tirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi. Hi ħeġġet lill-membri Parlamentari biex fl-imġieba tagħhom ikunu ta’ eżempju għan-nies, għax l-eżempju jkaxkar.
Matul il-ġurnata anke’ l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati kien qed jilqa’ għandu delegazzjonijiet differenti għall-iskambju tal-awguri.
Il-President laqgħet ukoll għall-iskambju tal-awguri lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li mexxa delegazzjoni mill-Kabinett tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat rrefera għax-xogħol li sar matul is-sena 2014 mill-Gvern u semma wkoll il-prijoritajiet tal-Gvern għas-sena l-ġdida.
Fost delegazzjonijiet oħra li l-President laqgħet għall-iskambju tal-awgurju kien hemm dik magħmula minn membri tal-ġudikatura, mmexxija mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri. Anke’ l-Amministratur Appostoliku Monsinjur Charles J. Scicluna, akkumpanjat mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona, taw l-awgurjut tagħhom lill-President Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz il-Belt.
Fil-każ taż-żewġ delegazzjonijiet, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fakkret fl-importanza tal-irwoli tagħhom fis-soċjeta’. Fil-każ tal-ġudikatura, il-President qalet li x-xogħol tagħhom mhuwiex faċli, filwaqt li ħeġġet li tkompli ssir ġustizzja mill-ġudikatura, li skont il-President għandha tkun aktar pro-attiva.
Intant, anke’ l-Amministratur Appostoliku Monsinjur Charles J. Scicluna laqa’ fil-Palazz tal-Arċisqof lill-awtoritajiet tal-pajjiż għall-iskambju tal-awguri. Fost dawn kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca akkumpanjata mir-raġel tagħha s-Sur Edgar Preca u delegazzjonijiet oħra, fosthom mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnekk, Monsinjur Charles J. Scicluna kien akkumpanjat mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.