Raġel ta’ 25 sena u martu ta’ 60 sena, li jgħixu f’appartament fil-Gżira, ingħataw sentenza sospiża wara li ammettew li mexxew burdell mill-appartament tagħhom stess fi Triq Testaferrata fil-Gżira. Theresa Cutajar u Elmleti Mohamed Saad ammettew ukoll li f’Awwissu li għadda u fix-xhur ta’ qabel għexu għal kollox jew in parti mill-qligħ li kien ġej mill-prostituzzjoni.
Il-Pulizija mid-Distrett u tas-Sezzjoni ta’ Kontra l-Vizzji kienet għamlet rejd fl-appartament tal-koppja wara li ġiet arrestata prostituta, li kienet qed tħajjar diversi rġiel għal skop ta’ prostituzzjoni. Din kienet ammettiet mal-Pulizija u qalet li kienet topera mill-appartament tal-koppja. Waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li prostituti oħrajn ammettew li kienu qed jaqdu lill-klijenti tagħhom fl-appartament tal-koppja.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, ir-raġel u martu bidlu l-verżjoni tagħhom minn mhux ħatja għal ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontrihom. Waqt li għamlu dan umbagħad ngħataw is-sentenza, huma żammew idejn xulxin, bil-mara tammetti wkoll li tlajjat għal skop ta’ prostituzzjoni.
Fil-Qorti, l-Ispettur Jason Sultana qal li meta wieħed jikkunsidra li l-koppja diġà għamlet żmien konsiderevoli taħt arrest preventiv u l-fatt li l-kondotta ta’ Saad hi waħda nadifa, dawn għandhom jingħataw ċans ieħor permezz ta’ sentenza sospiża. Min-naħa tagħha, id-Difiża, immexxija mill-Avukat Joseph Arrigo, qablet mal-argument tal-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti kkundannat lill-koppja sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €400 kull wieħed. Huma kienu ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti, li laħħqu s-somma ta’ €817.
//= $special ?>