L-awtoritajiet fiċ-Ċina qed jinvestigaw traġedja bla sens fejn mietu mgħaffġin talanqas 36 persuna fl-inħawi ta’ Shangai waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena.
Intant, għexieren oħra indarbu waqt rassa ta’ nies terribbli fil-Pjazza ta’ Chenyi, fid-distrett storiku ta’ Bund, fejn in-nies kienu nġabru bl-eluf tagħhom.
Rapporti tal-media soċjali qalu li t-traġedja seħħet meta n-nies, fil-parti kbira tagħhom tfajliet, waqfu biex jiġbru l-karti tad-dollari foloz li kienu twaddbu mill-ogħla sulari ta’ nightclub fil-viċinanzi.
Ir-ritratti mill-inħawi li qed jiċċirkolaw fuq il-websajts soċjali juru diversi nies qed ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu waqt il-paniku, minbarra l-espressjonijiet tat- twerwir fuq il-wiċċ tal-individwi maqbudin fir-rassa
Jaħsbu li ħafna mill-mejtin huma tfajliet studenti, bil-President taċ-Ċina, Xi Jinping, joħroġ direttivi biex l-amministrazzjoni ta’ Shangai issib lin-nies responsabbli mit-traġedja li tidher li kellha l-għeruq tagħha f”ċajta’.
//= $special ?>

