Internazzjonali

Id-dinja ssellem is-sena antika u tilqa’ l-2015

Id-dinja kollha qed tittama li l-2015 tkun sena aqwa minn ta’ qabilha meta miljuni ta’ nies fil-kontinenti kollha sellmu bix-xieraq is-sena li għaddiet fost gelgul ta’ awguri u riżoluzzjonijiet tipiċi għal dawn iż-żmenijiet.

L-Awstralja kienet fost l-ewwel pajjiżi li bdew biċ-ċelebrazzjonijiet, fejn mal-1.5 miljun persuna attendew il-logħob tan-nar f’Sydney.

L-Istati Uniti kompliet bit-tradizzjoni tal-ispettaklu f’Times Square, fi New York, fejn numru ta’ kantanti, fosthom Taylor Swift, allegraw lin-nies preżenti. Intant, Las Vegas, Los Angeles u San Francisco kienu fost l-aħħar bliet ewlenin Amerikani li sellmu lis-sena antika u taw bidu għall-2015.

Fl-Ewropa, iċ-ċelebrazzjonijiet bdew f’Moska, fir-Russja, bil-President Russu, Vladimir Putin, fost oħrajn, jibgħat messaġġ lill-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, fejn qallu li pajjiżhom għandhom interess komuni li jżommu l-paċi.

Fil-Ġermanja, sar kunċert kbir għall-pubbliku f’Berlin waqt li fi Spanja, miljuni ta’ nies ippakkjaw il-Puerto del Sol ta’ Madrid, bir-residenti ta’ Barċellona jorganizzaw is-street parties.

F’Londra, miljuni oħra awguraw lil xulxin waqt li l-famuż arloġġ Big Ben daqq it-tokki ta’ nofs il-lejl waqt li fil-Brażil, mijiet tal-eluf iċċelebraw tul il-Bajja ta’ Copacabana, f’Rio de Janeiro.