Lokali

Tallega li ntilfet l-evidenza dwar il-każ tax-xebgħa f’Paceville

“Wara l-attakk fuqi u sħabi minn numru ta’ bouncers f’San Ġiljan, jidher li saru numru ta’ żbalji fil-proċedura tal-investigazzjoni dwar il-każ, li wasslu biex intilfet l-evidenza kif ukoll l-opportunita’ li jitressqu quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli.”

Hekk tiftaħ korrispondenza li Michelle Sullivan, it-tfajla li allegatament sfat imsawta minn bouncers f’San Ġiljan fil-lejl tas-Sibt 21 ta’ Diċembru, bagħtet lill-Prim Ministru biex titolbu li tittieħed azzjoni u ssir ġustizzja magħha.

Fil-korrispondenza elettronika, Sullivan tenniet dak li dejjem saħqet, li uffiċjal tal-Pulizija skorta lill-bouncer li sawwat lil ħabibtha lil hinn mill-post tal-inċident u nstema’ jgħidlu biex jitlaq mill-post.

Tenniet ukoll li ħabiba tagħha, li wkoll ġiet imsawta, indikat lill-Pulizija ħaddiem ta’ klabb ieħor li sawwatha, imma skont Sullivan “l-uffiċjal tal-Pulizija baqa’ fejn kien, iħares lejna u jitbissmilna mingħajr ma arrestah.”

Sullivan qalet lill-Prim Ministru li fil-post fejn seħħet l-aggressjoni hemm camera tas-sigurta’ ppuntata propju lejn fejn seħħ l-inċident u li f’dak il-lejl kienet qed taħdem. “Madankollu, għal xi raġuni l-filmat ta’ din il-camera ma kienx issekwestrat.”

Fl-email li bagħtet, Sullivan għamlet akkużi serji oħra. “Minn meta għamilt rapport lill-pulizija, l-uniku kuntatt li kelli mal-pulizija kien l-għada fejn fil-ħdax ta’ filgħaxija talbuni mmur lura fil-post fejn seħħħet l-agressjoni. Madankollu sirna nafu li dakinhar il-bouncer kien avżat biex ma jaħdimx. Dak il-lejl ma stajniex immorru għaliex kemm jien u ħabibti konna xogħol l-għada. Għalhekk tlabna lill-Pulizija biex immorru l-għada, infurmawna li se jċemplulna lura imma minn dakinhar ma smajna xejn iktar.”

Minkejja dan, Michelle Sullivan u ħabibtha marru minn jeddom fuq il-post f’lejliet il-Milied, identifikaw tnejn mit-tliet persuni li sawtuhom u dakinhar stess talbu lill-uffiċjali biex juruhom min kienu. Madankollu l-uffiċjali qalulhom li lejliet il-Milied kien lejl li fih ikunu impenjati ħafna.

Fid-dawl ta’ dan, fl-email tagħha Sullivan għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-uffiċċju tal-Prim Ministru:

– Għaliex ħadd ma ġie arrestat meta wieħed mill-persuni li attakkawna kien identifikat fil-post dakinhar li ġejna attakkati?
– Għaliex il-Pulizija ħadu mill-post lill-bouncer li kien qed itini bis-sieq u qalulu biex jitlaq l-post?
– Għaliex is-Surġent tar-Rapid Interviention Unit li wasal fil-post qalilna: “Nafu min huma” imma qatt ma ġejt imsejħa lura fl-għassa?
– Għaliex ħadd ma ġie arrestat dakinhar tal-agressjoni jew minn dakinhar sa llum?
– Għaliex il-filmati tas-CCTV ma ġewx issekwestrati bħala evidenza?