Tispiċċa b’wiċċ il-ġid l-istorja ta’ Marilyn Cernigliaro, it-tifla Maltija ta’ 14-il sena li kienet ilha nieqsa mill-15 ta’ Diċembru, meta fl-aħħar lejl tas-sena marret minn jeddha fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra.
Dan il-ġurnal kien irnexxielu wkoll jagħmel kuntatt ma’ omm it-tifla, Marica Cernigliaro, li waqt li bdiet tolfoq u tibki għamlet appell imqanqal lil bintha: “Binti, fittex ejja lura. Aħna dejjem ħabbejniek u int dejjem kont f’qalbi u b’qalb ħutek l-oħra. Il-ħin kollu nistenniek tiġi lura. Il-ħin kollu nistenna li jħabbat il-bieb ta’ barra u narak hawn.”
Sadattant il-Pulizija, immexxija mill-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, fil-jiem li għaddew komplew bit-tiftix għax-xbejba Marilyn Cernigliaro sakemm wara 17-il jum ta’ misteru, it-tfajla rritornat qawwija u sħiħa.
Din ma kinetx l-ewwel darba li din ix-xbejba ħarbet u sabet refuġju temporanju għal xi jiem. Fil-fatt ftit tax-xhur ilu kienet għamlet l-istess iżda kienet instabet ftit wara fil-kumpanija ta’ xi ħbieb tagħha.
It-tifla telgħet f’ambjent diffiċli ħafna u sorsi li lbieraħ reġgħu tkellmu ma’ In-Nazzjon urew id-diqa kbira tagħhom kif din ix-xbejba telgħet f’ambjent diffiċli fejn saħansitra wkoll rat lil ommha tissawwat.
Illum il-ġurnata x-xbejba hi deskritta bħala persuna ribelluża ħafna u diffiċli li tkun kontrollata, iżda fl-istess waqt hi deskritta wkoll bħala xbejba intelliġenti ħafna tant li dan l-aħħar kienet anki esprimiet ma’ xi ħbieb tagħha l-interess li tkompli bl-istudji tagħha.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon ilbieraħ enfasizzaw mill-ġdid il-ħtieġa li tfajliet ta’ età żgħira bħal dawn li jkollhom problemi ta’ saqaf fuq rashom, ta’ familja li tkun tħobbhom u tipproteġihom, problemi ta’ droga jew prostituzzjoni, għandhom isibu dar jew organizzazzjoni fejn jistgħu jmorru u jistkennu f’ambjent li joffri kenn u mħabba.
Sa issa f’pajjiżna hawn diversi organizzazzjonijiet li qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna, iżda esklussivament għas-subien u ġuvintur ta’ etajiet żgħar. Imma sa issa m’hawnx infrastruttura u organizzazzjoni li tieħu ħsieb tfajliet bħal dawn li jkollhom bżonn ta’ ħafna għajnuna, kura, attenzjoni u mħabba.
//= $special ?>