It-tnaqqis miżeru għall-bidu tas-sena mhux riflessjoni vera tal-prezz taż-żejt madwar id-dinja
Il-prezzijiet tal-fuel f’pajjiżna jibqgħu fost l-ogħla fl-Ewropa u r-reviżjoni miżera ta’ ċenteżmu fuq id-diesel u żewg ċenteżmi fuq il-petrol, hija biss konferma oħra ta’ kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ikompli jisraq lill-poplu kull darba li l-konsumaturi jixtru l-petrol u d-diesel.
Dan sostnieh il-PN fi stqarrija li fiha sostna li dan qed iseħħ għaliex filwaqt li l-prezz taż-żejt madwar id-dinja kompla jinżel, il-prezzijiet tal-fuels f’pajjiżna żgur li m’humiex jirriflettu x’qed jiġri madwar id-dinja, b’konsegwenza negattiva fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Dan qiegħed ikun sostanzjat ukoll minn diversi studji reċenti, li reġgħu wrew li l-prezzijiet f’Malta jibqgħu mal-ogħla fl-Ewropa.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jerġa jisħaq li l-Gvern għandu minnufih jippublika l-ftehim tiegħu dwar ix-xiri taż-żejt, kif ukoll iraħħas il-prezzijiet tal-fuels għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, tmem il-PN fl-istqarrija tiegħu.
Il-prezz tal-unleaded petrol llum wara li sar E1.42 issa huwa fost l-għola fid-dinja meta mqabbel ma’ lista ta’ 56 pajjiż. Il-prezz tal-unleaded petrol f’Malta ġie fil-50 post bl-Italja, l-Ingilterra, id-Danimarka, l-Olanda, it-Turkija u n-Norveġja biss jirreġistraw prezz għola minn ta’ Malta.
Fost il-pajjiżi fejn l-unleaded petrol hu orħos minn Malta hemm L-Amerika, il-Polonja, il-Greċja, il-Bulgarija, il-Latvja, Franza, il-Kroazja, l-Awstrija, Spanja, l-Ungerija, is-Serbja, il-Ġermanja, l-Albanija,m ir-Rumanija, Ċipru, il-Belġju, il-Fillandja, l-Iżvizzera u l-Portugall.
//= $special ?>