Qorti

Sentejn u nofs ħabs wara li seraq €4,000 f’ ”hold-up” f’Ħaż-Żabbar

Żagħażugħ ta’ 20 sena ġie kundannat sentejn u nofs ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li ammetta li seraq €4,000 f’ “hold-up” ippjanata fi stabbiliment tal-logħob ġewwa Ħaż-Żabbar. Huwa ġie mmultat ukoll €2,300 mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.

Dave Delia, minn Bormla, ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu pistola li hija imitazzjoni, li saq bla polza tas-sigurta’, li kiser ordni ta’ probation mill-Qorti, u li sar reċidiv.

Is-serqa seħħet lejliet l-ewweltas-sena fl-istabbiliment theft FairPLay fi Triq is-Santwarju, Ħaż-Żabbar.

Kollox jindika li għall-ħabta tad-9:30pm, Delia, li aktar tard sar magħruf li kien ħema pjan ma’ mpjegat tal-ħanut, u li daħal fl’ istabbiliment u fuqu kellu BB gun….u hekk kif daħal talab għal flus. Waqt dan il-“hold-up”, irnexxielu jisraq kważi €4,000.

Il-Pulizija rnexxielha iskopri li l-ftehim sar ma ċertu Jean Paul Vella, li jaħdem fl-istabbiliment tal-logħob li spiċċa misruq, u li dan Vella qed joħroġ ma’ oħt Delia.

Waqt li kien qed isir il-“hold-up” inzertat kien hemm mara li kienet qed tilgħab fl-istabbiliment, u li din inqabdet f’nofs is-serqa, fejn anke spiċċat miżmuna kontra l-volonta’ tagħha mill-akkużat u minn Vella.

Quddiem il-Maġistrat Scerri Herrera, Delia, iddeskriva l-impieg tiegħu bħala “xogħol li ma jagħmel xejn” ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u spiċċa l-ħabs u mmultat.

Sadanittant, sieħeb Delia fir-reat, Jean Paul Vella, 26, minn Ħaż-Żabbar, kien kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta wkoll l-akkużi miġjubin kontrih, fosthom li żamm klijenta kontra l-volonta’ tagħha, u li wkoll kellu fil-pusses tiegħu imitazzjoni ta’ arma.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ħadet inkunsiderazzjoni li Vella għadda l-flus kollha lura lill-vittma, u li għandu kondotta nadifa. L-Ispeturi Fabian Fleri u Josric Mifsud mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Alessandro Lia deher għaż-żgħażagħ bħala avukat tal-għajnuna legali.