Il-bidu tal-2015 jista’ jwassal għal żblokk pożittiv fir-relazzjonijiet bejn il-Korea ta’ Fuq komunista u l-Korea t’Isfel. Dan wara li l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, ħareġ bl-offerta ta’ taħditiet fuq l-ogħla livell ma’ Seoul, waqt messaġġ speċjali għal tmiem is-sena, fuq il-mezzi tax-xandir fi Pyongyang.
Kim Jong-un sostna li ‘jekk jintlaqgħu l-kundizzjonijiet ta’ pajjiżu’, hu ikun lest li jiltaqa’ mal-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, waqt summit.
Min-naħa tagħha, il-Korea t’Isfel qalet li dan il-pass ta’ Kim Jong-un irid jitqies bħala wieħed ‘sinifikanti’ u ħeġġet biex kwalunkwe taħditiet potenzjali jinkludu ‘djalogu dirett u prattiku rigward l-issues ewlenin kollha li jikkonċernaw lill-Korej’.
Il-Ministru Korean għall-Għaqda (f’Seoul), Ryoo Kihl-jae, qal li l-Gvern tiegħu qed jittama fid-djalogu mal-awtoritajiet tal-Korea ta’ Fuq waqt li awgura li d-diskussjoni ma tkunx limitata biss għal ftit suġġetti magħżula.
Dan wara li Kim Jong-un qal li d-diviżjoni ‘traġika’ tal-Korej saret inaċċettabbli minbarra li m’għadhiex tollerabbli. Madankollu, il-Mexxej Korean komunista ikkundanna l-eżerċizzji militari ta’ difiża li qed imexxu l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel u li qal kienu ‘l-kaġun tat-tisħiħ tat-tensjoni’ fil-peniżola Koreana.
Tama fil-Korea għall-2015
