Lokali

Il-Gvern Malti qiegħed jiżbalja dwar il-Libja – Ivan Grech Mintoff

Il-Gvern Malti għandu jbiddel ir-rotta li qabad fil-kwistjoni tal-Libja u ma jibqax jagħraf Gvern illeġittimu. Dan kien fil-qofol tal-messaġġ tal-Alleanza Bidla waqt Konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata minn Ivan Grech Mintoff.

Hekk kif fil-Libja hemm żewġ Gvernijiet li qed jisħqu li huma l-Gvern ‘leġittimu’ tal-pajjiż, wieħed ibbażat f’Tobruk u ieħor ibbażat fi Tripli, il-Gvern Malti qed jirrikonoxxi uffiċjalment lill-Gvern ta’ Tobruk, minkejja li fl-aħħar ġimgħat, dan il-Gvern ġie dikjarat null mill-Qorti Suprema fil-Libja.

Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet, Ivan Grech Mintoff qal li ma jistax jifhem kif il-Gvern Malti qed iġib l-iskuża li qed jibqa’ jirrikonoxxi lill-Gvern ta’ Tobruk, u mhux dak ta’ Tripli, biex ikun bħall-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti. Dan meta bħalissa, numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jirrifjutaw li jirrikonoxxu rappreżentanti mibgħutha mill-Gvern ta’ Tobruk.

Grech Mintoff qal li mhux veru li l-Unjoni Ewropea u l-membri tagħha qed jagħrfu lill-Gvern ta’ Tobruk u l-istqarrijiet tal-Gvern Malti dwar dan huma skorretti. Qal li l-pożizzjoni tal-Gvern hija żbaljata u dan qed ikisser ir-relazzjoni ta’ Malta mal-Libja.