Il-Latvja ħadet it-tmexxija, għal sitt xhur, tal-presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ewwel tas-Sena, u wiegħdet li tniedi pjan ta’ investiment, ekwivalenti għal €315 biljun, b’risq l-istituzzjoni reġjonali. Dan bit-tama li jinbeda studju dwar id-difiża tal-fruntieri Ewropej.
Il-Latvja, li saret membru tal-UE fl-2004 u addottat l-ewro sena ilu, qalet li l-pjan ta’ investiment, li tnieda mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker xahar ilu, għandu importanza kbira.
“It-tnedija ta’ dan il-pjan fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, se tkun prijorita’ kbira. Irrid ngħid li dan il-pjan, jew ikun suċċess jew inkella il-falliment tal-presidenza tagħna,” qalet il-Prim Ministru tal-Latvja Laimdota Straujuma fl-aħħar jiem.
Il-Latvja wkoll temmen li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm iebsa kontra r-Russja u qalet li wasal iż-żmien għall-istituzzjoni reġjonali biex tanalizza s-sigurta’ tagħha.
Ir-rwol tar-Russja fil-kriżi tal-Ukrajna, li inkluda l-għaqda tal-Krimea, ħolqot biża’ fil-pajjiżi Baltiċi, li għandhom minoranzi etiniċi Russi.
Edgars Rinkevics, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, qal li hu ma jridx li l-presidenza tal-Latvja tkun waħda kontra r-Russja, iżda sostna li l-istrateġija kurrenti tal-Ewropa, bażata fuq fruntieri stabbli u ta’ paċi ma’ pajjiżi tal-Lvant, kienet skaduta.
“Għaldaqstant, jien nemmen li rridu nħarsu lejn is-sigurta’ mal-fruntieri, mhux biss min-naħa tal-Pulizija u mill-infurzar tal-liġi, iżda wkoll mill-importanza tad-difiża. Irridu nitkellmu kif se nsaħħu d-difiża tal-Unjoni Ewropea,” sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja.
//= $special ?>