Sa mit-22 ta’Diċembru li għadda, l-aġenzija sigrieta Amerikana – is-CIA – bdiet taqsam il-links tagħha għall-aktar għaxar artikli popolari u li ġew posted fuq Twitter din is-sena. L-ewwel artiklu, li ntbagħat fuq Twitter, jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja għal dokument ta’ 272 paġna li sar fl-1998 bit-titlu, “Is-CIA u l-Programm U-2, 1954-1974.”
Id-dokument, li s-CIA oriġinarjament kienet poġġiet fuq Twitter f’Lulju, jispjega kif ħadem il-programm tal-ajruplan għall-ispjunaġġ U-2, u kif il-programm kien responsabbli għall-maġġoranza ta’ UFOs li ġew lokalizzati matul il-perijodu li kien attiv.
Permezz tal-programm, is-CIA tajret b’mod sigriet ajruplani tal-ispjunaġġ U-2 f’għoli ta’ 60,000 pied ‘il fuq minn pajjiżi li kienu fil-mira tal-Istati Uniti, bħall-Unjoni Sovjetika. Dak iż-żmien, ħafna mit-titjiriet kummerċjali taru bejn 10,000 u 20,000 pied, filwaqt li ajruplani militari taru ‘l isfel minn 40,000 pied. Ħafna nies kienu qalu li l-bniedem ma setax itir sa dak l-għoli kollu u assumew li l-ħajja aljena kienet wara l-oġġetti misterjużi fl-ajru.
“B’riżultat ta’ dan, malli l-ajruplani U-2 bdew itiru f’għoli aktar minn 60,000 pied, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru bdew jirċievu numri dejjem jiżdiedu ta’ rapporti dwar l-UFOs,” qal id-dokument.
Is-CIA għamlet referenza għad-dehriet tal-UFOs u għar-reġistri dwar it-titjiriet tal-U-2, li “ppermettew lill-investigaturi biex jeliminaw il-maġġoranza tar-rapporti dwar l-UFOs,”jgħid id-dokument.
Iżda l-aġenzija qatt ma żvelat, lill-persuni mwerwra, il-verita’ wara l-oġġetti misterjużi fl-ajru, qabel din is-sena. Minflok, l-investigaturi mill-Proġett BLUE BOOK, il-programm tal-Qawwa tal-Ajru li investiga rapporti dwar l-UFO, ipprova jattribwixxi d-dehriet għal fenomeni naturali.
Ir-rapport kien parti minn serje ta’ dokumenti li ġew żvelati fl-2013, flimkien ma’ dawk li taw dettalji dwar l-eżistenza ta’ Zona 51 f’Nevada.
//= $special ?>