Internazzjonali

L-Istati Uniti b’aktar sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq

F’ordni eżekuttiva ffirmata l-bieraħ l-President Amerikan Barack Obama approva numru ta’ sanzjonijiet ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq. Sanzjonijiet li jsegwu l-attakk li allegatament sar mill-Korea ta’ Fuq fuq il-kumpanija Sony Pictures Entertainment li ħarġet il-film komiku ‘The Interview’.

Is-sanzzjonijiet jolqtu numru ta’ uffiċjali tal-gvern kommunista u huma l-ewwel sanzjonijiet li qatt saru mill-Istati Uniti bħala tweġiba ta’ attakk bil-kompjuter fuq kumpanija Amerikana.

L-għan tas-sanzjonijiet huwa sabiex jiżolaw aktar l-industrija tad-difiża tal-Korea ta’ Fuq u dan bħala ditterent kontra aktar attakki bil-kompjuter.

Minn naħa tagħha l-Korea ta’ Fuq għadha tiċħad li kienet involuta fl-attakk kontra Sony Pictures Entertainment għalkemm l-indikazzjonijiet kollha juru mod ieħor.