Għawdex Lokali Saħħa

Problemi ta’ ffullar fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex iwasslu għal azzjonijiet industrijali

Filwaqt li d-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tippjana li tiftaħ sala tal-ortopedija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-problemi kroniċi li qegħdin jaffetwaw il-pazjenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex qegħdin jiġu totalment injorati mhux qegħdin jiġu indirizzati. Hekk saħqet fi stqarrija l-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN.

L-MUMN spjegat li fil-prezent fis-Sala Ġenerali tan-Nisa, l-unika sala li tieħu pazjenti nisa ta’ ortopedija, operazzjonijiet u każijiet mediċi, hemm aktar minn nofs il-pazjenti li huma każijiet soċjali jew anzjani li qegħdin jistennew sabiex jitpoġġew f’residenza għall-anzjani. L-MUMN qalet li s-sitwazzjoni tant hija waħda ffolata li saħansitra hemm is-sodod fil-kurutur.

L-MUMN qalet li filwaqt li sala tal-ortopedija fl-isptar t’Għawdex hija xi ħaġa posittiva din is-sala ma’ setgħatx ssir mingħajr ma’ tiġi ndirizzata l-problema prinċipali ta’ soddod għall-anzjani f’Għawdex.

Minħabba l-ammont għoli ta’ każijiet soċjali fis-sala ġenerali tan-nisa l-MUMN għalhekk stqarret li kienet kostretta tordna l-membri tagħha sabiex ma’ jdaħħlux pazjenti għal operazzjonijiet li jkunu skedati peress li dawn il-pazjenti kienu qegħdin jispiċċaw fil-kurutur.

L-infermiera fis-sala in kwistjoni qegħdin jaħdmu bl-istess livell ta’ Florence Nightingale, anzi anke agħar minħabba l-ammont żgħir ta’ infermiera u n-numru kbir ta pazjenti.

L-MUMN temmet l-istqarrija tagħha billi appelat lid-Diviżjoni tas-Saħħa sabiex tibda minnufih tindirizza l-każijiet soċjali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex billi jsir xogħol ta’ manutenzjoni fis-swali vojta. L-MUMN qalet ukoll li ma kienx hemm bżonn li s-sitwazzjoni tkompli tmur aktar lura u dan għad-detriment tal-pazjenti u l-infermiera fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.