“Ma, inħobbkom ħafna… u tislijiet għal sena ġdida mill-aqwa.”
Dan kien l-aħħar kliem li ż-żagħżugħ Matthew Meilak kiteb lil ommu ftit tal-ħin wara nofsillejl fil-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru li għadda u l-1 ta’ Jannar fil-bidu ta’ sena ġdida.
Inċidentalment dan kien ukoll l-aħħar kliem u messaġġ li Matthew Meilak lissen lil ommu permezz ta’ sms mill-mobile tiegħu għal fuq il-mobile ta’ ommu għaliex ftit tal-ħin wara l-karozza li fiha kien riekeb flimkien ma’ erba’ żgħażagħ oħra ħbieb tiegħu kienet involuta f’inċident fatali tat-traffiku fejn l-istess Matthew Meilak tilef ħajtu.
Żvelat dan il-gazzetta In-Nazzjon fejn il-ġurnalist Joe Mikallef iltaqa’ mal-ġenituri ta’ Matthew, Stefan u Lucienne Meilak wara li matul is-sigħat tal-bieraħ filgħodu huma kienu Għawdex biex jagħmlu l-preparamenti meħtieġa ħalli l-katavru ta’ binhom jinġieb Malta. Fil-fatt dalgħodu hi prevista li ssir l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Matthew ħalli mbagħad fil-jiem ta’ wara jkun jista’ jsir il-funeral tiegħu, maħsub għall-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.
Missieru Stefan qal li kien għadu xxukkjat għall-aħħar b’din l-aħbar kiefra. Ma jistax jemmen dak li għaddejja minnu l-familja kollha f’dawn is-sigħat wara l-aħbar li ibnu Matthew tilef ħajtu fl-aqwa ta’ żgħożitu u proprju inqas minn xahar wara li kien iggradwa bħala nutar nhar it-3 ta’ Diċembru li għadda. Minn naħa tagħha omm il-vittma għadha maħsuda għall-aħħar. Mitluba tiddeskrivi lil binha Matthew, qalet li binha kien mimli ħajja u enerġija. “Kien iħobb ħafna l-ħajja u kien iħobb ħafna wkoll lill-ħbieb. Ħajtu kien jaqsamha bejn il-ħin mal-ħbieb u l-ħin għall-istudju.”
Mistoqsija meta rawh l-aħħar, il-ġenituri ta’ Matthew Meilak qalu li kien nhar l-Erbgħa waranofsinhar meta ġie wieħed mill-ħbieb tiegħu biex imorru Għawdex flimkien ħalli jqattgħu l-lejl ta’ sbieħ l-Ewwel tas-Sena hemmhekk. “Niftakarni nwissih biex jekk se jsuq ma jixrobx. Għidtlu wkoll biex jieħu gost u joqgħod attent. Qalli li ma kienx se jsuq hu u fil-fatt mar ma’ wieħed minn sħabu fejn flimkien kellhom jgħaddu lejl fil-lukanda Kempinski San Lawrenz..U ħalliena bis-soltu tbissima fuq ħaddejh. Ħa miegħu wkoll xi ħwejjeġ biex ikollu xi jbiddel kemm għall-party kif ukoll għall-għada… Sakemm imbagħad ġara dak li ġara… tilef ħajtu f’inċident traġiku… u hu ma kienx qiegħed isuq!”
Preżenti waqt il-laqgħa mal-ġenituri ta’ Matthew Meilak kien hemm ukoll waħda min-nanniet tiegħu li bid-dmugħ f’għajnejha qalet li n-neputi tagħha Matthew kellu karattru mill-aktar ferrieħi. Tiftakru meta kien iżgħar u kien imur għandha biex taparsi jnaddfilha l-front garden… kellu karattru mill-isbaħ… kulħadd kien iħobbu.
L-inċident fatali li fih tilef ħajtu Matthew Meilak seħħ għall-ħabta tal-3.45 a.m. sbieħ l-Ewwel tas-sena l-ġdida 2015. L-inċident seħħ fi Triq ir-Rabat fin-Nadur, Għawdex ftit tal-ħin wara li flimkien ma’ sħabu kien attenda party tal-Ewwel tas-Sena f’Għawdex stess.
L-intervista sħiħa tinstab ppublikata fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-llum.
//= $special ?>