Lokali

Problema dwar il-provi b’rabta mal-petizzjoni dwar party ta’ lejliet l-ewwel tas-sena

Persuni li attendew għall-party NYE Sky of Stars 2015 li sar lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Xara Lodge, fil-limiti tar-Rabat fetħu petizzjoni u lmentaw ukoll mal-Għaqda tal-Konsumatur, l-MCCAA għaliex qed jallegaw li ġew iffrodati meta ħallsu biljetti ta’ €55 jew €70.

Madankollu problema komuni li qed isibu dawk li attendew għall-party hi li m’għandomx provi, ħlief ritratti, li kienu preżenti. Dan għaliex il-promuturi tal-attivita’ kienu mal-bieb u ġabru l-biljetti ta’ dawk li kienu deħlin ġewwa. F’każi remoti, xi persuni żammew ir-wrist bands jew f’każ ta’ min qata’ l-biljetti online, l-irċevuta.

Fil-petizzjoni huma jiġbru l-akkużi u lmenti li saru lbieraħ minn persuni li attendew għal dan il-party fuq il-paġna tal-istess attivita’.

Fost l-akkużi li saru, kienu ħafna l-persuni li allegaw weġġgħu waqt dan il-party minħabba li allegatament l-art kienet tiżloq; min b’wiċċu minfuħ, min b’idu nfaxxata u jieħu l-pilloli kontra l-uġiegħ, u tfajla li saħansitra kissret snienha wara li waqgħet. Il-persuni li bdew il-petizzjoni saħansitra qed jallegaw li anke’ l-barmen waqgħu u weġġgħu.

Filfatt fil-petizzjoni jingħad hekk: “Kien hemm problema ta’ saħħa u sigurta’ għaliex numru ta’ persuni weġġgħu u wħud saħansitra ttieħdu l-ispar għaliex konna qed nimxu fuq ice skanting rink. 95% tal-persuni preżenti żelqu, inkluż il-bar tenders u weġġgħu serjament.”

Il-petizzjoni tkompli hekk: “Lejliet l-Ewwel tas-Sena n-nies kienu konvinti wara promozzjoni għal party li nstemgħet tant sabiħa, spettakolari u worth it li ħassejna li kellna nixtru l-biljetti u nattendu.”

Imma skont il-petizzjoni, u l-akkużi li saru fuq Facebook, dak li kien imwiegħed ma seħħx għaliex l-allegazzjonijiet ivarjaw minn spazju għal parkeġġ li kien imwiegħed imma ż-żona ta’ parkeġġ kienet magħluqa u li ħallsu għal open bar li sejħulu bħala falz għaliex ma kienx possibbli li wieħed jakkwista d-drinks minħabba kju twil u għaliex bdew jispiċċaw.

Fil-petizzjoni jsiru wkoll akkużi li l-VIP area kellha tkun imsaħħna b’temperatura diċenti, bi trattament aħjar u finger food. “Madankollu ż-żona tal-VIP ma ngħatat l-ebda trattament aħjar għaliex dawk li kienu fiha spiċċaw itertru bil-bard fuq barra, meta l-persuni l-oħra kienu fuq ġewwa taħt l-air condition, bla ikel u bla bar riservat.”