Ambjent Lokali

Ritratti: Salvat żiemel abbandunat f’għalqa bi ġrieħi serji

Voluntiera tas-Santwarju taż-Żwiemel tas-Siġġiewi salvaw żiemel li nstab abbandunat f’għalqa bi ġrieħi serji f’dahru kkawżati minn biċċa drapp li kien ilha fuqu għal żmien twil. Dan bil-konsegwenza li ż-żiemel żviluppa ferita li ffjammat.

Barra minn hekk, iż-żiemel instab mitluq mal-art, b’piż taħt in-normal u kellu bżonn li jiġi kkurat anke’ minħabba li kien malnutrat. Filfatt iż-żiemel bilkemm felaħ iqum minn mal-art meta l-voluntiera waslu fl-għalqa li kien fiha.

Madankollu, bid-dedikazzjoni tal-voluntiera tas-santwarju, iż-żiemel diġa’ beda jaqleb għall-aħjar. Hu ġie kkurat minn veterinarju u ngħata post kenni u nadif bl-ikel u x-xorb li għandu bżonn.

Intant qed isir appell għal donazzjonijiet li jistgħu jtaffu l-ispejjeż tal-kura ta’ dan iż-żiemel. Min jixtieq jgħin lis-Santwarju taż-Żwiemel għandu jibgħat id-donazzjoni tiegħu fuq P. Agius c/o The Funny Farm, 102 Millenia, Flat 7, Cassarino Street, Qawra jew inkella permezz tal-Internet Banking BOV: 40016931220.