Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-gvern mmexxi minn Joseph Muscat ma’ jridx jammetti r-realta’ fejn jidħlu l-prezzijiet tal-fuel u mhuwiex jirrikonoxxi l-verita’ sempliċi li minkejja li l-prezz taż-żehjt naqas fl-aħħar xhur il-konsumaturi Maltin għadhom qegħdin iħallsu prezzijiet ferm għolja.
Minflok jaċċetta l-verita, l-Priministru Joseph Muscat jippreferi jmur għat-tattika għajjiena ta’ ‘ara x’għamlu huma’.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-opposizzjoni mhix ser taqta qalba u ser tkompli tissielet sabiex il-prezzijiet tal-fuel f’Malta jinżel sabiex il-familji u n-negozjanti ma’ jibqgħux jiġu misruqa minn Joseph Muscat kull darba li jmorru l-pompa tal-petrol.
Aktar kmieni…
Tkompli tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern biex jispjega ir-raġuni għaliex il-prezzijiet tal-fuel f’Malta baqgħu għoljin filwaqt li qed jonqsu drastikament madwar il-kontinent Ewropew kollu.
Stħarriġ li għamel il-ġurnal Times of Malta juri li l-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea f’April li għadda kien ta’ ewro u 56 ċenteżmu kull litru. Il-prezz medju tal-petrol nhar il-Ġimgħa li għadda kien ta’ ewro u 24 ċenteżmu – Tnaqqis ta’ 32 ċenteżmu.
L-istess ġara fil-każ tad-diesel bil-prezz medju madwar l-UE jinżel minn ewro u 41 ċenteżmu f’April għal ewro u 19-il ċenteżmu kull litru nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar.
Is-sitwazzjoni f’Malta hi għal kollox differenti. F’April li għadda, il-Priministru Joseph Muscat, fl-eqqel tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja biex ħabbar roħs ta’ żewġ ċenteżmi fil-prezz tal-petrol u li permezz ta’ ftehim ta’ hedging, il-prezz tal-petrol kien se jibqa’ ewro u 44 ċenteżmu kull litru u l-prezz tad-diesel 1.36 ċenteżmu kull litru sal-aħħar tas-sena.
Li ġara iżda hu li fix-xhur ta’ wara, il-prezz internazzjonali taż-żejt ħa daqqa ‘l isfel u baqa nieżel għall-inqas livelli għal dawn l-aħħar ħames snin. U filwaqt li dan it-tnaqqis kien rifless fil-prezzijiet tal-fuels għas-sewwieqa Ewropej, is-sewwieqa Maltin baqgħu iħallsu bl-għoli.
L-uniku roħs li sar matul dan iż-żmien kien dak li daħal fis-seħħ fil-bidu tas-sena u li tħabbar fil-Baġit, jiġifieri roħs ta’ 2 ċenteżmi kull litru għall-petrol u roħs ta’ ċenteżmu kull litru għad-diesel.
Dan fisser li f’dawn l-aħħar xhur, il-prezz medju tal-petrol fl-Ewropa niżel bi 32 ċenteżmu kull litru filwaqt li f’Malta niżel biss b’4 ċentezmi. L-istess fejn jidħol id-diesel fejn filwaqt li s-sewwieqa u n-negozji Ewropej raw roħs ta’ 22 ċenteżmu kull litru, id-diesel f’Malta roħos b’ċenteżmu f’dawn l-aħħar tmien xhur.
Il-ġurnal Times of Malta tkellem mal-Professur Joe Falzon, li kien imexxi il-kumitat tax-xiri tal-fuel tal-Enemalta. Hu qal li l-hedging hi għodda importanti iżda dak li jkun għandu jħalli ċertu flessibilta’ u ma jintrabatx b’policy waħda.
Il-Professur Falzon fisser li filwaqt li wieħed iħalli l-għażla tal-hedging miftuħa, l-Enemalta għandha tkun flessibli biżżejjed li ddur fis-suq taż-żejt li qed jinbiegħ immedjatament – magħruf bl-Ingliż bhala l-ispot market – meta l-prezz ikun nieżel. Madanakollu ma jistax jikkummenta dwar il-policies tal-Enemalta għaliex ma jafx x’inhuma l-kuntratti tax-xiri tal-fuel.
Minkejja diversi sejħiet minn bosta, speċjalment mill-Partit Nazzjonalista, il-Ministeru tal-Enerġija irrifjuta li jagħti informazzjoni bl-iskuża li l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali.
//= $special ?>