Lokali Xjenza u Teknoloġija

Żieda fin-numru ta’ nies jużaw l-internet u l-mobile

Id-dinja tal-kommunikazzjoni qegħda tkompli tinbidel ma’ kull jum li jgħaddi. Minn dinja fejn it-telefon kien kwazi l-unika mezz ta’ kommunikazzjoni llum ngħixu f’soċjeta’ fejn l-internet qiegħed dejjem ikompli jifrex ruħu f’setturi u oqsma ġodda.

Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, turi li meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ Settembru 2013 mas-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ Settembru 2014 kien hemm żieda ta’ 6.7 fil-mija fis-subscriptions tal-internet broadband. Żieda wkoll fis-subscriptions ta’ internet li jgħaġġel aktar filwaqt li kien hemm tnaqqis fis-subscriptions tal-internet aktar bażiku.

Minn naħa l-oħra fil-każ tat-televiżjoni diġitali kien hemm żieda marġinali filwaqt li fil-każ tat-televiżjoni analogue kien hemm tnaqqis ta’ ftit inqas minn għaxra fil-mija.

Fejn tidħol it-telefonija fissa kien hemm żieda fin-numru ta’ nies li għandhom is-servizz iżda tnaqqis ta’ 6.1 fil-mija u 2.7 fil-mija għat-telefonati lejn linji fissi lokali u linji internazzjonali rispettivament minn linji ta’ telefonija fissa. Minn naħa l-oħra żdiedu t-telefonati magħmula minn linji ta’ mobile. Madankollu kien hemm tnaqqis ta’ 6.1 fil-mija fil-każ ta’ SMS’s mibgħuta minn nies li jkunu qed jużaw is-servizz waqt li jkunu barra minn Malta.

Fil-każ tal-posta kien hemm tnaqqis ta’ 0.9 fil-mija madankollu kien hemm żieda ta’ 10.9 fil-mija fil-każ ta’ affarijiet li ntbgħatu permezz ta’ servizz ta’ courier.