Rapport li għandu quddiemu l-Gvern dwar iż-żidiet fil-ħlasijiet qed jipproponi żidiet qawwija fil-ħlasijiet tal-Prim Ministru, tal-Ministri, tas-Segretarji Parlamentari, tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tad-deputati, effettivi mill-2018.
Il-kumitat li għamel dawn il-proposti kien appuntat mill-Gvern fl-2013 mill-Prim Ministru Joseph Muscat u kien kompost mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Ewlieni.
Il-Kummissjoni ippreżentat dan ir-rapport f’Diċembru 2013 iżda l-Gvern ma ppubblikahx u żammu mistur sakemm kien pubblikat f’The Malta Independent.
Ir-rapport jiżvela kif bil-proposti fir-rapport l-Prim Ministru jibda jaqla’ €95,000, żieda ta’ €40,000 fuq il-€50,000 li jaqla’ bħalissa waqt li l-Ministri li bħalissa jaqilgħu €44,000 jibdew jaqilgħu €73,000.
Fil-każ tas-Segretarji Parlamentari, ir-rapport jipproponi li l-paga titla’ minn €42,000 għal €70,000. Fil-kaz tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-proposta hi li l-paga tiżdied minn €42,000 għal €71,000 waqt li hu propost li d-deputati li llum jaqilgħu €20,000 jibdew jaqilgħu €60,000.
Ir-rapport jiffoka wkoll fuq il-paga tal-President tar-Repubblika li bħalissa hi €56,000 iżda li r-rapport jipproponi żieda ta’ €39,000 għal €95,000.
Proposti oħra jittrattaw il-ħlasijiet tal-Ispeaker, id-deputat Speaker, iż-żewġ whips u anki ċ-Chairpersons tal-Kumitati Parlamentari.
Fil-każ tal-Ispeaker, li bħalissa jaqla’ €42,000, il-kummissjoni qed tipproponi paga ta’ €73,000 waqt li l-paga tad-deputat Speaker tiżdied minn €25,000 għal €70,000. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-pagi taż-żewġ whips jiżdiedu minn €30,000 ghal €70,000. Proposti oħra jittrattaw ix-Chairman tal-Kumitati tal-Kamra li llum jaqilgħu €26,000 u li bil-proposti jaqilgħu €68,000.
Fir-rapport, il-Kummissjoni sostniet li l-Gvern hu kommess għall-pakkett ġdid ta’ ħlasijiet lid-deptuati. Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni qalet li filwaqt li l-pakkett finanzarju tajjeb m’għandux ikun l-uniku incentiv biex xi persuna tidħol fil-politika dawk li jagħżlu din it-triq jagħmlu sagrifiċċji kbar. Il-kummissjoni qalet li Malta ma jistax ikollha politiċi mhux imħallsin tajjeb għaliex pakkett finanzjarju tajjeb jiskoraġġixxi wkoll il-korruzzjoni.
Intant, l-editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday jiddeskrivi dan ir-rapport bħala wieħed milqugħ iżda li jġorr miegħu xamma ta’ ipokrezija.
L-editorjal jitkellem dwar il-kampanja ħarxa li l-Partit Laburista kien għamel kontra l-Gvern preċedenti minħabba ż-żieda ta’ €500 f’onorarja parlamentari lil membri tal-Kabinett, deċiżjoni li fi kliem l-editorjal, kienet waħda neċessarja.
L-editorjal jgħid li, fid-dawl ta’ dak li ġara, jistona ħafna r-rapport tal-Gvern, li se jwassal biex, fost oħrajn, il-Prim Ministru jibda jagħmel mal-€95,000 f’sena, b’kuntrast mat-€72,000 li kien se jagħmel il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kieku nżammet l-onorarja.
//= $special ?>