Lokali

Autobuses de Leon se tuża vetturi mir-Renju Unit minflok dawk li qed jintużaw bħalissa

Il-kumpanija tat-trasport pubbliku Spanjola Autobuses de Leon se tkun qed tuża vetturi mikrija mir-Renju Unit minflok dawk li qed jintużaw bħalissa minn Transport Malta.

Dan kien konfermat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo, f’kummenti lil gazzetta The Sunday Times of Malta.

Il-kumpanija Spanjoli se tkun qed tagħmel l’hekk imsejjaħ “soft launch” tagħha iktar tard dil-ġimgħa. Piscopo qal li l-kuntratt bejn Transport Malta u l-Unscheduled Bus Service, il-UBS, li qed jipprovdu l-vetturi li qed jintużaw bħalissa fit-toroq Maltin, se jasal fi tmiemu fl-aħħar ta’ Jannar.

Minn dakinhar, il-kumpanija Spanjola se tkun qed tuża l-vetturi mir-Renju Unit.

S’issa għadu mhux magħruf kemm din id-deċiżjoni se tkun tiswa lil kumpanija Spanjola.

James Piscopo qal li l-vetturi ġodda li se jinġiebu Malta huma maħsuba apposta għat-toroq Maltin.

Il-kumpanija se tħarreġ ukoll madwar 100 xufier ġdid, biex b’kollox in-numru ta’ xufiera li se jingħaqdu mal-kumpanija se jiżdied għal 300 qabel ix-xhur tas-sajf.

Dan se jfisser li se jkun hemm madwar 3,000 post ġdid fit-trasport pubbliku Malti, b’żieda ta’ 142 karozza tal-linja.