Futbol Sport

Birkirkara jibdew is-sena fuq nota pożittiva

MOSTA……………….1

BIRKIRKARA……..5

Mosta: O. Borg, M. Di Vita, K. Magro, M. Brincat, K. Pulo, R. Grech (D. Xuereb 91’), N. Milovanovic, A. Sammut (D. Falzon 84’), M. Ribeiro dos Santos, J. Brincat (Z. Brincat 71’), S. Jovanovic
Birkirkara: J. Haber, N. Vukanac, A. Costa Morais (K. Zammit 61’), M. Bissi da Silva, S. Haruna Shodiya, R. Ledesma (B. Jaccarini 89’), P. Fenech, Z. Muscat, E. Agius (D. Aquilina 86’), R. Camenzuli, R. Scicluna

Imwissija: O. Borg 63’ (M)
Skorjaw: R. Ledesma 15’, H. Shola Shodiya 33’ 77’, A. Costa Morais 40’, P. Fenech 82’ (BK) S. Jovanovic 42’ (M)
Referee: Alan Mario Sant
Plejer tal-Logħba: Rafael Ledesma (BK)

Birkirkara bdew l-2015 fuq nota pożittiva meta għelbu lil Mosta 5-1. Il-Karkariżi b’hekk kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u reġgħu laħqu lil Valletta fit-tieni post. Huma kienu l-aħjar tim u bdew jinfdu lid-difiża Mostija li għal darba oħra kienet fraġli.
Il-kowċ Karkariż Paul Zammit għamel tliet bidliet mill-aħħar logħba kontra Qormi b’Rafael Ledesma, Paul Fenech u Ryan Scicluna jieħdu post Alejandro Mendoza, Gareth Sciberras u Edward Herrera.
Min-naħa l-oħra Mosta ġarrbu t-tielet telfa konsekuttiva f’partita li fiha ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ timijiet. It-tim Mosti kellu diversi assenzi fosthom Tyron Farrugia, Pedro dos Santos Calcado, Manolito Micallef u Daniel Mariano Bueno biex ma nsemmux lil Bojan Kaljevic li ngħaqad ma’ Balzan.
Birkirkara ħolqu l-ewwel azzjoni wara tliet minuti meta Antonio Costa Morais kellu xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa għoli. Mosta appellaw għal penalty fl-14-il minuta meta minn kross ta’ James Brincat, il-konklużjoni ta’ Ribeiro dos Santos ħabtet m’id id-difensur Karkariż iżda r-referee Alan Mario Sant ħalla l-logħob għaddej.
Minuta wara Birkirkara fetħu l-iskor meta Paul Fenech għadda lejn RAFAEL LEDESMA li b’xutt b’saħħtu ħalla lil Borg iħares. Fit-23 minuta Birkirkara marru viċin it-tieni gowl meta Ledesma irċieva fuq il-ġirja, imma x-xutt fil-baxx kien imdawwar f’korner minn Borg.
Il-Karkariżi irduppjaw fit-33 minuta. Rafael Ledesma xeħet lejn HARUNA SHOLA SHODIYA li bir-ras mill-viċin għeleb lil Borg.
L-istripes għamluhom 3-0 fl-40 minuta meta ANTONIO COSTA MORAIS għeleb in-nasba tal-offside, qabeż lil Omar Borg u tefa’ f’xibka vojta.
Mosta naqqsu d-distakk minuta wara meta Bissi ssikkat minn Ribeiro dos Santos dam jaħsibha u tilef il-ballun, Vukanac waqqaf parzjalment il-ħarba tal-attakant Mosti iżda l-ballun spiċċa għand SASA JOVANOVIC li b’xutt fil-baxx għeleb lil Haber.
Mosta kellhom gowl regolari mħassar fis-57 minuta meta Haber salva parzjalment ix-xutt ta’ Ribeiro dos Santos u James Brincat kompla ġewwa. Iżda l-assistent William Debattista għolla l-bandiera għal offside ineżistenti biex Birkirkara marru viċin ir-raba’ gowl fis-66 minuta meta free-kick ta’ Bissi għadda ftit għoli.
L-istripes għaqqdu l-poker fis-77 minuta wara li SHOLA HARUNA SHODIYA ħabbat ma’ Ledesma u għeleb lil Borg b’xutt minn barra l-kaxxa. Il-Karkariżi skorjaw il-ħames u l-aħħar gowl fit-82 minuta meta wara żball ieħor ta’ Borg, PAUL FENECH ma sab l-ebda problema jqabbeż fuq il-gowlkiper Mosti.