Is-sena 2014 żgur li se tibqa’ waħda memorabbli għas-sewwieqa Charles Camilleri u Kurt Saliba, għall-jockey Michael Sultana u għas-sidien taż-żwiemel Ollie Fliptrik u Uranium Des Arkads. Dan wara li dawn, inkluż iż-żwiemel kollha spiċċaw l-aħjar tal-istaġun li għadda.
Charles Camilleri
Matul l-istaġun li għadda Charles Camilleri temm l-aħjar sewwieq wara assenza ta’ ħames snin. Fil-fatt kien fl-2009 l-aħħar darba li dan is-sewwieq rebaħ dan it-titlu.
Din is-sena, Camilleri ħa sehem f’271 tiġrija, fejn rebaħ 39 minnhom, temm it-tieni 45 darba, it-tielet 25 darba u r-raba’ 28 darba għal total ta’ 531 punt. Warajh spiċċa l-aħjar sewwieq tal-aħħar erba’ snin, Noel Baldacchino b’461 punt u Rodney Gatt b’413-il punt.
Kemm Baldacchino u anki Gatt mhux biss kellhom 37 rebħa kull wieħed, tnejn anqas minn Camilleri, iżda anki anqas pjazzamenti mill-aħjar sewwieq għal din is-sena.
Kurt Saliba
Għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, iż-żagħżugħ Kurt Saliba rnexxilu jirbaħ l-unur tal-aqwa sewwieq taħt il-25 sena. Matul din is-sena, hu saq fi 63 tiġrija, fejn rebaħ tnax minnhom, temm it-tieni ħames darbiet, it-tielet darbtejn u r-raba’ erba’ darbiet.
Dan fisser total ta’ 112-il punt. Redent Magro kellu wkoll staġun tajjeb meta spiċċa t-tieni bi 93 punt, erba’ punti aktar minn Jesmar Gafa’ li spiċċa fit-tielet post fl-istess klassifika ġenerali.
Ċertament, fundamentali għar-rebħ ta’ dan l-unur min-naħa ta’ Saliba kien is-suċċess li kellu bil-Franċiż Uranium Des Arkads.
Michael Sultana
Din is-sena kien il-jockey żagħżugħ Michael Sultana li spiċċa l-aħjar wieħed. Dan wara li mill-11-il tiġrija li pparteċipa fihom rebaħ sebgħa, temm it-tieni tliet darbiet u t-tielet darba. B’hekk kiseb total ta’ 67 punt.
Demis Zammit spiċċa fit-tieni post bi 23 punt, wieħed aktar minn ħuh Eric li temm fit-tielet pożizzjoni. Barra d-diversi rebħiet f’pajjiżna, Michael Sultana kellu wkoll fl-aħħar xhur, diversi rebħiet barra minn xtutna, f’tiġrijiet organizzati fil-Belġju, Franza u anki l-Ġermanja.
Hi x-xewqa ta’ Sultana li s-sena d-dieħla jkompli jimrah bil-karriera tiegħu barra minn Malta.
Uranium Des Arkads u Ollie Fliptrik
L-aktar żiemel tat-trott konsistenti għall-istaġun 2014 kien il-Franċiż Uranium Des Arkads. Dan iż-żiemel, li din is-sena jagħlaq seba’ snin, ħa sehem fi 12-il tiġrija. Minn dawn rebaħ tmienja, temm it-tieni darba, it-tielet darba u b’hekk tella’ total ta’ 62 punt.
Huwa kiseb tliet punti aktar mill-Iżvediża Grace Party li rebħet seba’ tiġrijiet, temmet it-tieni darbtejn u t-tielet darba. Fil-klassifika ġenerali, l-Olandiż Dreamed Victory spiċċa fit-tielet pożizzjoni b’49 punt.
Intant Uranium Des Arkads għalaq l-istaġun bil-kbir, bir-rebħ ta’ sitt tiġrijiet infila fosthom suċċess f’finali għal żwiemel Franċiżi.
Ċertament, dan iż-żiemel kien strumentali wkoll anki fis-suċċessi taż-żagħżugħ Kurt Saliba.
Proprjetà tas-sinjura Gatt, Ollie Fliptrik, żiemel Amerikan ta’ disa’ snin, spiċċa l-aktar wieħed konsistenti fil-qasam tat-tiġrijiet tal-galopp. Matul l-istaġun li għadda dan iż-żiemel ġera b’kollox f’disa’ tiġrijiet u rebaħ waħda minnhom, temm it-tieni tliet darbiet u t-tielet tliet darbiet oħra għal total ta’ 33 punt.
L-Irlandiż Pearl Storm għalaq is-sena fit-tieni post b’29 punt segwit mill-Irlandiża Gold As Good bi 22 punt. Ir-rebħiet ta’ Ollie Fliptrik waslu f’idejn diversi jockeys fosthom Michael Sultana, Sarah Borg, Demis u ħuh Eric Zammit u l-Isqalli Antonino Cannella.
L-istaġun 2015
L-istaġun 2015 mistenni jibda b’laqgħa li tkun organizzata bħal lum ġimgħatejn, il-Ħadd 18 ta’ Jannar. F’dawn il-ġranet fl-uffiċċji tal-Malta Racing Club qed jiġġeddu r-reġistrazzjonijiet taż-żwiemel, sidien, sewwieqa, trainers u anki jockeys. Permezz ta’ din ir-rubrika, nkompli naġġornakom dwar l-aħħar ahbarijiet u żviluppi f’dan l-isport tant popolari.