Is-sitwazzjoni tista’ tkompli titgħarraq b’aktar ħaddiema jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom
Tmenin familja tilfu d-dħul finanzjarju tagħhom b’deċiżjoni li taqta’ fil-laħam il-ħaj meħuda mill-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta. Dan wara li biddlet il-kuntratt tal-ikel għall-passiġġieri u għall-membri tal-ekwipaġġ abbord it-titjiriet tagħha.
Ritratt: Il-pakkett b’nofs litru ilma u bezzun li l-Air Malta qed tforni b’xejn lill-passiġġieri u lill-membri tal-ekwipaġġ abbord it-titjiriet tagħha. Deċiżjoni li waslet għal telfien ta’ impjiegi u azzjoni industrijali mill-Union tal-Membri tal-Ekwipaġġ.
F’dawn il-jiem ta’ festi għadd ġmielu ta’ ħaddiema kienu mgħarrfa permezz ta’ ittra li x-xogħol tagħhom mal-kumpanija Sky Gourmet se jintemm minħabba eżerċizzju li għamlet l-Air Malta biex tiffranka l-flus. Dan wara li ż-żewġ kumpaniji kienu qegħdin f’sensiela ta’ negozjati biex il-kuntratt ta’ bejniethom jinbidel fiċ-ċirkostanzi fejn l-Air Malta qed tirreġistra żieda fid-dejn.
il-mument illum qiegħed jiżvela dak li rrakkontaw il-ħaddiema milquta minn din id-deċiżjoni tal-Air Malta, imfissra minnhom “realtà diffiċli” li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha.
Nifhmu li l-ħaddiema milquta huma dawk li jaħdmu fil-bażi tal-Air Malta f’Ħal Luqa stess, iżda aktar ħaddiema milquta ta’ Sky Gourmet huma dawk li jservu fil-fabbrika tal-ikel li tinsab fil-Fgura.
Kien fil-jiem li għaddew li huma ngħataw ittra ta’ notifika dwar dan kollu u hekk issa huma – ilkoll b’impjieg full-time – se jitilfu kollox. Il-problema li ħafna u ħafna minn dawn il-ħaddiema għandhom ukoll impenji finanzjarji x’jonoraw mal-banek dwar diversi affarijiet. Hemm min għandu jagħti lill-bank flus dwar self fuq proprjetà. Hemm min għandu jagħti lill-bank flus dwar self fuq karozza. Hemm ukoll min għandu djun xi jħallas għax għadu kemm daħal għal impenji ġodda.
Ta’ min jgħid li l-Air Maltra fid-19 ta’ Diċembru li għadda kienet ħabbret li wara negozjati twal, kienet laħqet ftehim mal-kumpanija Sky Gourmet li tipprovdi l-ikel abbord it-titjiriet tagħha u li bih il-linja nazzjonali qed tistma li tiffranka mal-€4 miljun fis-sena.
L-Air Malta dakinhar kienet żiedet tgħid li fil-futur qrib il-passiġġieri se jkunu jistgħu jixtru snacks sħan u xorb waqt it-titjiriet tagħha.
Fl-isfond ta’ dan kollu, fil-jiem li għaddew il-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta imbarkaw fuq azzjonijiet industrijali minħabba l-ikel li bdew jingħataw u għalhekk il-passiġġieri fuq it-titjiriet tal-Air Malta bdew jingħataw biss servizz limitati fi protesta għat-tibdil fl-ikel li kienu qed jingħataw lill-ħaddiema tal-ekwipaġġ.
Aktar dettalji fil-gazzetta il-mument tal-lum.
//= $special ?>