Lokali Qorti

Għaddiet iktar minn sena, u għadha ma tteħditx deċiżjoni fuq il-każ tal-Maġistrat Peralta

Iktar minn sena wara li bdiet tistħarreġ il-festin organizzat fl-awla tiegħu mill-Maġistrat Carol Peralta, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għadha ma waslitx għall-konkluzjoni tagħha.

F’dan il-każ, li kien żvelat minn ġurnalist ta’ The Times, il-Maġistrat Peralta kien insista mal-pulizija biex jieħdu passi kontra l-ġurnalist li żvela l-istorja.

Storja f’The Times tiżvela li minkejja li saru diversi laqgħat, il-kumissjoni għad lanqas semgħet ix-xhieda tal-maġistrat innifsu.

Il-laqgħa li jmiss tal-kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hi skedata għal nofs Jannar meta se jinstemgħu iktar xhieda.

Minħabba li l-Ministru Owen Bonnici ma ressaqx mozzjoni ta’ impeachment kontra l-Maġistrat Peralta, l-aktar li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tista’ tagħmel hu li tinħareġ twissja kontra l-Maġistrat Peralta. Il-Ministru Bonnici kien talab biss li ssir investigazzjoni dwar il-każ tal-Maġistrat Peralta.

Il-każ tal-festin tal-Maġistrat Peralta jmur lura għall-2013 meta fl-awla tal-istess maġistrat kien organizzat festin tal-Milied. F’dan il-festin il-Maġistrat Peralta kien qed ipejjep fl-istess awla tiegħu meta dan ukoll mhux permess. Kien propju meta ġurnalist ta’ The Times mar fl-awla biex jara x’inhu għaddej li l-Maġistrat Peralta qal lill-pulizija biex jieħdu passi kontrieh.

Il-Maġistrat Peralta hu l-aktar Maġistrat anzjan u ilu f’din il-kariga għal 24 sena.