Maltarightnow.com kellu kuntatt mas-sid tal-istabbiliment konċernat, li spjega li hu kien stieden lis-sidien tal-qattusa biex jagħmlu awtopsja qabel ma jidfnuha, iżda huma ma ħadux dan il-parir.
Is-sid tal-istabbiliment qal li hu ikkuntatjajhom mal-ewwel, hekk kif sar jaf b’dak li ġara, filwaqt li stedinhom ukoll iżuru l-istabbiliment tiegħu biex jaraw b’għajnejhom li ma jintużawx kimiċi li jafu jipperikolaw saħħet l-annimali tagħhom. Iktar minn hekk, is-sid spjegalna li hu dejjem jistieden lis-sidien tal-annimali biex jibqgħu hemmhekk waqt li qed isir ix-xogħol ta’ grooming.
Is-sid qal li se jieħu parir legali biex jara kif jippoċedi dwar l-allegazzjonijiet ta’ din il-familja b’rabta mal-mewt tal-qattusa tagħhom.
Iktar kmieni…
Dispjaċir u rabja minn sid ta’ qattusa Persjana li f’messaġġ fuq Facebook irrakkontat l-esperjenza li hi u l-familja tagħha għaddew minnha wara li ħadu lill-qattusa tagħhom fi stabbiliment tal-grooming tal-annimali.
Il-messaġġ jirrakkonta kif il-qattusa kienet b’saħħitha u kellha madwar 5 snin. Jumejn ilu hi ttieħdet għall-grooming f’dan l-istabbiliment u meta rritornat lura d-dar, bdiet iġġib ruħha b’mod stramb.
Is-sid tirrakkonta kif il-qattusa spiċċat għajjiena u rieqda fuq is-sufan għall-kumplament tal-ġurnata, u dalgħodu nstabet mejta d-dar.
Is-sid esprimiet id-dispjaċir kbir tagħha għal dak li ġara u qalet li dalgħodu għadha kif irritornat mill-Isptar San Franġisk f’Ta’ Qali, fejn għadhom kemm difnu lill-qattusa tagħhom. Hi spjegat ukoll kif din il-qattusa kienet għażiża ħafna għall-kunjata tagħha.
//= $special ?>