Internazzjonali

Ikomplu jirrifjutaw l-allegazzjonijiet dwar il-Prinċep Andrew

Kelliema għal Buckingham Palace komplew jiċħdu l-allegazzjonijiet li l-Prinċep Andrew tal-Ingilterra kellu xi forma ta’ kuntatt sesswali ma’ mara li qed tinsisti li hi ġiet sfurzata biex ikollha x’taqsam miegħu meta kienet għadha minorenni.

Il-Prinċep Andrew, magħruf ukoll bħala d-Duka ta’ York, issemma f’dokumenti li tressqu quddiem qorti ta’ Florida, fl-Istati Uniti, u li trattaw il-mod kif il-prosekuturi kienu ħadu ħsieb każ partikolari kontra finanzjatur bl-isem ta’ Jeffrey Epstein.

Sadanittant, il-gazzetta The Mail on Sunday identifikat il-mara li ressqet l-allegazzjonijiet dwar il-Prinċep bħala Virginia Roberts, bil-kelliema għall-Palazz isostnu li l-allegazzjonijiet dwar il-konnessjoni bejnha u d-Duka ta’ York huma bla bażi u kompletament infondati.

Madankollu il-korrispondenti li jiktbu l-artikli dwar il-Familja Rjali Britannika wissew li din is-sitwazzjoni għandha l-potenzjal ‘biex tagħmel ħsara kbira lill-Prinċep Andrew u lill-istituzzjoni li jirrappreżenta’.