Il-gvern Libjan, rappreżentat f’Malta miċ-Charge d’Affairs Hussin Musrati jikkundanna lill-gvern Malti li rrikonoxxa lill-Gvern Libjan ta’ Tobruk u jsostni li dan ir-rikonoxximent jista’ jkollu effetti fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewg pajjiżi.
Il-Gvern Libjan li jopera minn Tobruk u li kien rikonoxxut mill-Gvern Malti kien dikjarat illeġittimu mill-Qorti Suprema Libjana.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan, iċ-Charge d’Affairs Libjan Hussin Musrati qal li qed issir kampanja minn diversi pajjiiżi Għarab kontra l-gvern Libjan ta’ Salvazzjoni Nazzjonali li jamministra 90 fil-mija tal-Libja.
Hussin Musrati sostna li l-ħidma li qed issir mill-ambaxxata tal-gvern Libjan ta’ Tobruk li infetħet f’Ta’ Xbiex hi illegali u li l-visas li din l-ambaxxata tista’ toħroġ mhumiex rikonoxxuti legalment.
Ir-rappreżentant tal-Gvern Malti espriema d-diżappunt tal-gvern Libjan li l-gvern Malti ma kellimx lilu jew lill-Gvern ta’ Tripli.
Hu appella lill-gvern Malti biex iwaqqaf din l-attivita’ deskritta bħala illegali mill-Ambaxxata f”Ta’ Xbiex u sostna li f’perjodu qasir l-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan se tkun qed toħroġ il-visas għal-Libja.
“Aħna ninsabu fuq in-naħa t-tajba, sostna ċ-Charge d’Affairs Libjan għal Malta, li spjega kif il-Gvern Libjan li jopera minn Tripli qed jikseb rikonoxximent internazzjonali fosthom mill-Unjoni Ewropea.”
Fil-Libja, l-ministeri, l-portijiet, l-ambaxxati u setturi oħra vitali huma kollha amministrati mill-Gvern Libjan li jopera minn Tripli.
Hussin Musrati tkellem dwar is-sitwazjzoni preżenti fil-Libja u qal li mhux minnu li l-Gvern Libjan qed jagħti kenn lil terroristi tal-estremiżmu Iżlamiku. Hu sostna li l-ħajja fil-Libja hi trankwilla fejn il-lukandi, il-banek, l-isptarijiet u s-servizzi bażiċi joperaw normali.
Hussin Musrati qal li t-tip ta’ strateġija li qed tintuża kontra l-gvern Libjan hi l-istess kif kienet tintuża mir-reġim ta’ Gaddafi u sostna li l-Libjani ta’ rieda tajba huma determinati li fil-Libja ma tirritornax id-dittatura.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet fl-Ambaxxata Libjan inġiebu wkoll numru ta’ ġellieda Libjani li jinsabu Malta għall-kura wara li kienu feruti fil-gwerra. Huma tkellmu mal-ġurnalisti dwar l-esperjenza tagħhom u dwar l-impenn li huma għandhom biex jiġġieldu favur Libja ħielsa mid-dittatura.
//= $special ?>