Il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, qal li r-Renju Unit għandu ‘l-arranġamenti u l-proċeduri’ xierqa u lesti għall-iscreening ta’ persuni li setgħu spiċċaw infettati bil-virus qattiel tal-Ebola.
Hu kompla li diġa hemm il-miżuri biex in-nies jittieħdu l-isptar fejn isirulhom il-provi, fil-każi fejn tista’ tfeġġ l-inċertezza.
Fl-aħħar jiem ħarġet konferma li Pauline Cafferkey, infermiera Britannika, mardet bl-Ebola waqt li kienet qed taħdem bħala voluntiera mal-Organizzazzjoni ‘Save the Children’ fi Sierra Leone. Hi kienet tħalliet taqbad ajruplan minn Londra għal Glasgow fl-Iskozja u fil-preżent tinsab f’kundizzjoni kritika.
L-awtoritajiet fl-isptar ta’ Londra fejn qed tinżamm Cafferkey bħalissa sostnew li hi qalbet għall-agħar fi kwistjoni ta’ sigħat. Intant, Cameron mexxa laqgħa ta’ emerġenza biex jiddiskuti l-każ u qed jisma l-pariri tal-esperti mediċi dwar jekk il-pajjiż għandux jimplimenta aktar miżuri għall-iscreening tan-nies.
Meta staqsewh jekk is-sigurta fil-kumplessi tal-ajruport hix adekwata għal dawn il-każi, Cameron irrepeta li l-awtoritajiet ikkonċernati jridu jaħdmu ‘fuq prinċipju ta’ prekawzjoni’.
Il-virus tal-Ebola qatel ‘il fuq minn 7,800 persuna – kważi kollha fil-pajjiżi tal-Punent tal-Afrika – mindu feġġ daqs sena ilu.
//= $special ?>