Lokali

Issir ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati lill-membri tal-Korp

Illum fis-Sala Vilhena ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, saret ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp.

Numru ta’ Pulizija ngħataw ċertifikat ta’ kommendazzjoni, waqt li d-distrett numru erbgħa li jikkonsisti f’Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Kalkara, Ħaz-Żabbar, ix-Xgħajra u Wied il-Għajn rebaħ ix-shield talli rnexxielu jnaqqas ir-rata tal-kriminalita` fil-lokalita` tiegħu, kif ikkumparat mas-sena l-oħra.

Qabel iċ-ċerimonja saret ukoll quddiesa li ġiet iċċelebrata mill-Kappillan tal-Korp, Fr Raymond Bonnici OFM.

Ingħataw ċertifikat ta’ kommendazzjoni dawn il-membri:

  • PS 1585 James Weatherill u PC 103 Ton Joe Farrugia talli fl-4 ta’ Settembru, 2013, waqt li kienu xogħol ġewwa l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ, irnexxielhom jaqbdu fil-fatt żewġ persuni li kienu qed jikkommettu serq minn ġo residenza;
  • PC 79 Antoine Grixti talli fil-11 ta’ Jannar 2014 waqt li kien xogħol ġewwa l-Għassa tal-Belt Valletta, ta servizz eċċellenti lil żewġ persuni ta’ nazzjonalita` Iżraeljana;
  • PC 840 Roderick Psaila talli fil-15 ta’ Marzu, 2014, ġewwa x-xatt ta’ Ta’ Xbiex, qabeż il-baħar u b’hekk kien strumentali sabiex isalva l-ħajja ta’ persuna li kienet maqbuda fil-vettura tagħha, li aċċidentalment waqgħet fil-baħar;
  • PC 173 Jonathan Agius talli fis-7 ta’ Lulju 2014 ġewwa Burmarrad, intervjena u ħa l-passi neċessarji mal-kollegi tiegħu, rigward mutur illi kien jidher ipparkjat mal-ġenb tat-triq, fejn wara rriżulta li kien irrapurtat misruq.
  • PS 435 David D’Amato talli matul is-sena 2013, eżattament bejn id-9 ta’ Settembru u l-11 ta’ Ottubru 2013, ħa sehem f’diversi attivitajiet relatati ma’ proġetti tal-FRONTEX ġewwa l-Greċja u li fihom irrappreżenta b’mod professjonali u b’dedikazzjoni lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Ir-rebbieħ tal-award Uffiċjal tas-Sena huwa PC 840 Roderick Psaila, u dan talli kien strumentali meta fil-15 ta’ Marzu, 2014, ġewwa Ta’ Xbiex, qabeż il-baħar fit-tentattiv biex isalva l-ħajja ta’ persuna li kienet maqbuda fil-karozza tagħha taħt l-ilma.

Sar ukoll diskors qasir tal-okkażjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Preżenti ukoll kien hemm il-Ministru għall-Intern u Sigurta` Nazzjonali s-Sur Carmelo Abela, l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati l-Onor. Anġlu Farrugia u uffiċjali għolja oħra tal-Korp.