Għawdex Knisja Kultura

It-tliet slaten maġi jaslu f’Għajnsielem

Waslu f’Malta t-Tliet Slaten Maġi li telqu mill-belt ta’ Cologne fil-Ġermanja. Belt li qed tfakkar it-850 anniversarju minn meta r-relikwi tal-maġi nġiebu fil-belt mill-Art Imqaddsa.

F’Malta, is-slaten maġi, Caspar, Melchior u Balthazar, dalgħodu marru jżuru r-rikostruzzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, fejn hemmhekk jippreżentaw ir-rigali tagħhom lil Messija.

U fi triqthom lejn Betlehem, jieqfu wkoll f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa fil-Mellieħa, fejn issir ukoll ċerimonja qasira għat-tgawdija ta’ dawk preżenti.

Minn hemmhekk, il-maġi baqgħu sejrin lejn il-gżira ta’ Għawdex fejn intemm il-vjaġġ tagħhom.

Din l-inizjattiva ilha ssir għall-diversi snin, bis-saħħa tal-ġemellaġġ li daħal fis-seħħ bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-belt ta’ Adenau, li jmur lura għas-sena 1996.

Din is-sena saret ukoll permezz tal-Kumitat Milied f’Għawdex, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u ta’ Għajnsielem, bl-appoġġ tal-Awtorita’ Maltija dwar it-Turiżmu.