Internazzjonali

‘Jindifen l-ewwel min iħallas it-taxxa’

Fi Franza qamet għagha sħiħa wara li Sindku ta’ belt baqa’ jostakola l-funeral ta’ tarbija li mietet f’Jum il-Milied u fejn insista rigward ‘l-ispazju ristrett’ u li ‘qed jispiċċaw il-plots fiċ-ċimiterju lokali’.

Is-Sindku, li jismu Christian Leclerc, jamministra l-inħawi ta’ Champlan u t-tarbija — tifla — li mietet minn kundizzjoni fatali li tmiss lit-trabi kienet membru tal-komunita taż-żingari, magħrufin bħala Roma.

Mistenni, iżda, li l-funeral tat-tifla, li familtha tgħix ġo kamp taż-żingari f’din il-lokalita, se ssir fis-sigħat li ġejjin. Dan minkejja li l-awtoritajiet ta’ Champlan, li tinsab lejn in-Nofsinar ta’ Pariġi, kienu żammew il-permess biex it-tifla tindifen fl-inħawi.

Fil-fatt, hemm rabja partikolari għall-allegati kummenti insensittivi ta’ Leclerc li kien tenna li ‘f’każi bħal dawn (jiġifieri li jinvolvu d-difna tal-mejtin), il-priorita trid tingħata lin-nies li jħallsu t-taxxa’.

Intant, Leclerc, issa, qed jgħid li kliemu ġew ‘misinterpretati’ u li jiddispjaċih ‘li storja daqshekk negattiva setgħet tinfirex tant malajr’.

Is-Sindku sostna li beħsiebu jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tat-tarbija, iżda l-gelgul tar-reazzjonijiet rabbjużi qed ikomplu, b’mod partikolari mill-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fi Franza u ‘l hinn minnha.