Plejer li preżentament jinsab inċert dwar il-futur tiegħu hu Leighton Grech ta’ Birkirkara. Il-klabb lest li jħallih jitlaq iżda din id-darba għal kollox u mhux b’self.
Floriana diġà għamlu offerta lil Birkirkara madankollu din kienet rifjutata.
Il-plejer kien akkwistat mingħand Hibernians għas-somma ta’ €30,000 u Birkirkara sellfu lil dan il-plejer darbtejn; lil Vittoriosa Stars u Qormi rispettivament.
Dan il-ġurnal hu nfurmat li s-somma li Floriana offrew lil Birkirkara tissupera l-ammont li Birkirkara kienu ħallsu lil Hibernians meta akkwistawh l-ewwel darba. Is-saga għat-trasferiment ta’ dan il-plejer mistennija tkompli.
Sliema u Mangiacasale
Sadanittant Sliema Wanderers qed jittamaw li jikkonvinċu lill-midfielder Taljan ta’ 27 sena Fabio Mangiacasale jibqa’ magħhom hekk kif dan qed jikkonsidra li jitlaq għaliex jinsab homesick f’pajjiżna.
Sallum il-wirjiet ta’ Mangiacasale ma’ Sliema kienu tajbin u dan qed iwassal biex Sliema jagħmlu minn kollox sabiex iżommu lit-Taljan għall-kumplament tal-istaġun.
Coblis għas-Slovakkja
Matul din il-ġimgħa jista’ jħalli pajjiżna l-gowlkiper Rumen ta’ San Ġwann, Andrei Coblis, biex jiffirma ma’ klabb mis-Slovakkja fejn bħalissa l-futbol jinsab wieqaf u se jibda l-pre season.
Il-ġimgħa li għaddiet dan il-ġurnal żvela li numru ta’ klabbs lokali u internazzjonali qed juru nteress fil-gowlkiper ta’ 24 sena, fosthom ukoll klabbs mill-Iżvizzera u l-Awstrija.
Żewġ Brażiljani ma’ Vittoriosa S.
Vittoriosa Stars tal-Ewwel Diviżjoni akkwistaw lill-attakkant Brażiljan Eder Sales, li matul il-karriera tiegħu lagħab għal diversi klabbs fosthom Juventus SC, Sinop MT u Gremio Prudente SP, kif ukoll il-midfielder Brażiljan Felipe Canavan Freire ta’ Villa Nova u Caldense fost oħrajn.