Lokali

Jisraq u jinqabad f’daru stess, mitluf minn sensieh

Raġel li jgħix f’appartament f’San Ġiljan instab mitluf minn sensieh f’daru stess, ftit sigħat biss wara numru ta’ serqiet li kienu seħħew fil-blokk tal-appartament tiegħu. Fl-istess appartament il-Pulizija sabu kamera li kienet insterqet ftit tal-jiem qabel, flimkien ma’ ġakketta tal-ġilda, flixkun tal-inbid u rkiekel tal-ħajt.

Is-sejba saret ilbieraħ filgħaxija wara li mara irrappurtat SMS li rċeviet mingħand dan l-istess raġel, u li kien jitkellem dwar problemi fir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Minħabba dan l-SMS, il-Pulizija talbu lil sid l-appartamenti biex jiftħilhom il-bieb tal-appartament tar-raġel.

Kien f’dan il-ħin li nstabu numru ta’ oġġetti li s-sid tal-blokk tal-appartamenti qal li kienu spiċċaw neqsin fl-aħħar jiem. Ir-raġel instab mitluf fuq is-sufan, u fl-appartament il-Pulizija lemħet ukoll traċċi ta’ sustanza li dehret li kienet droga kannabis.

Ir-raġel ingħata għajnuna medika fil-post u iktar tard ittieħed l-isptar Mater Dei.

L-ispetturi Elton Taliana u Trevor Micallef ġew infurmati bil-każ.