Futbol Sport

Sliema jirbħu: logħba deċiża fl-ewwel taqsima

SLIEMA W. ……………2

PIETA’ H. .……………..1

Sliema W.: G. Zammit, L. Martinelli (B. Muscat 62’), G. Gnabouyou (Bocar 75’), J. Mintoff, M. Scerri, A. Pisanu, M. Potezica, T. Cilia (J. Meli 86’), A. Friggieri, F. Mangiacasale, S. Bianciardi.
Pietà H.: D. Cassar, C. Attard, C. Grech, K. Micallef, R. Rodrigues, O. Anonam, D. Agius (A. Mizzi 89’), K. Cesare (N. Pace Cocks 43’), L. Micallef, C. Frances, J. Pisani (C. Stewart 80’)

Imwissija: Bianciardi, G.Zammit (S) C.Attard (P)
Skorjaw: A. Pisanu 36’, T.Cilia 44’ (S), L. Micallef 42’(P)
Referee: Mario Apap
Plejer tal-Logħba: A.Pisanu (S)

Sliema Wanderers bdew is-sena bit-tajjeb b’rebħa minima kontra Pietà. Il-Wanderers kienu l-aħjar tim fil-grawnd u kellhom iżjed okkażjonijiet ta’ skor għalkemm fl-aħħar azzjoni tal-partita Pietà kellhom iċ-ċans li jiskurjaw il-gowl tad-draw.
Kollox ġie deċiż fl-ewwel taqsima, bit-tliet gowls tal-partita skurjati fil-minuti finali tagħha. Noel Coleiro irritorna fuq il-bank ta’ Pietà wara t-tneħħija tas-sospensjoni u f’din il-partita kellu diversi plejers neqsin, fosthom lil Gabriel u Leo Fortunato sospiżi, waqt li l-Hotspurs neħħew lill-barranin Tasic u Xavier.
L-ewwel azzjoni fid-disa’ minuta b’xutt perikoluż ta’ Mangiacasale li Cassar wettaq save tajjeb f’korner. Fl-20 minuta l-ewwel attakk ta’ Pietà b’daqqa ta’ ras tal-captain Anonam minn freekick ta’ Frances, b’Zammit impenjat għall-ewwel darba fil-logħba.
Imbagħad f’temp ta’ disa’ minuti saru tliet gowls. Fis-36 minuta kienu l-Wanderers li marru fil-vantaġġ. Freekick dirett tat-Taljan PISANU sab l-anglu ta’ fuq tax-xibka biex għeleb lil Cassar. Fit-42 minuta Pietà ġabu d-draw b’daqqa ta’ ras ta’ Luke MICALLEF minn freekick ta’ Frances.
Riżultat li Pietà gawdew biss għal żewġ minuti għax Sliema reġgħu marru fil-vantaġġ. Minn kross minn fuq il-lemin ta’ Gnabouyou, Friggieri qabbeż fuq Cassar għax-xutt ta’ CILIA li skurja u rritorna bil-kbir wara li tilef l-aħħar partita minħabba sospensjoni.
Kmieni fit-tieni taqsima Sliema setgħu għalqu l-partita imma Cassar salva f’korner ix-xutt minn ftit metri bogħod ta’ Mangiacasale. Sliema baqgħu aħjar mill-avversarji u kellhom iżjed mill-azzjonijiet. Fis-60 minuta difensur ta’ Pietà ħeles fuq il-linja d-daqqa ta’ ras taż-żagħżugħ Friggieri.
Il-Hotspurs ippruvaw b’xutt ċentrali ta’ Pisani li Zammit salva faċilment u baqghu ikunu inżidjużi bil-freekicks tas-solitu Frances. Fil-71 minuta Pisanu kien viċin id-doppjetta personali imma Cassar salva. L-istess Taljan resaq iktar viċin sitt minuti wara minn freekick ieħor li din id-darba spiċċa mal-mimduda b’Cassar megħlub.
Fid-90 minuta Sliema kellhom ċans ieħor minn Mangiacasale li xxuttja għoli u b’hekk baqgħu ma għalqux il-partita. Ta’ dan kienu se jpattu qares għax fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Cain Attard kellu f’saqajh il-gowl tad-draw imma spara għoli.