L-iskwadri għall-emerġenzi li qed iduru fil-Baħar ta’ Java biex isibu l-ajruplan tal-AirAsia sabu u tellgħu erba’ katavri oħra mill-inħawi, bit-tfittxija għal dan l-ajruplan traġiku jidħol fit-tieni ġimgħa.
L-ajruplan tat-tip Airbus A320 kien qed jivvjaġġa mill-Indoneżja għal Singapore meta intilef il-kuntatt miegħu aktar minn ġimgħa ilu. S’issa kienu rkuprati 34 katavru mill-baħar minbarra li nstabu wkoll ħames oġġetti kbar li jaħsbu li huma partijiet mill-ajruplan.
Madankollu, il-maltemp kontinwu qed itellef l-isforzi tal-iskwadri fiz-zona, bil-bugħaddasa jkollhom jissospendu t-tfittxija għall-qafas tal-ajruplan fejn jistgħu hemm il-maġġoranza tal-162 persuna li kienu qabdu l-vjaġġ fatali.
Filwaqt li l-maltemp qed jissemma bħala l-akbar fattur f’din it-traġedja, il-kaxxi s-suwed (data recorders) tal-ajruplan għad iridu jinstabu u fejn jistgħu jixħtu dawl fuq l-iżviluppi katastrofiċi waqt it-titjira.
//= $special ?>